Mhux permessi armi fil-Parlament minn nhar it-Tnejn

Min-nhar it-Tnejn se jibdew jittieħdu għadd ta’ mizuri ta’ sigurtà fl-entratura tal-Palazz biex jiġi żgurat li fil-bini tal-Parlament ma jidħol ħadd li jkun qed iġorr xi arma tan-nar.

F’ittra mibgħuta lid-deputati, l-Iskrivan tal-Kamra qal li l-iSpeaker talbu jinforma lill-membri li mit-Tnejn li ġej fl-entratura tal-Palazz se tibda ssir tfittxija fuq il-persuni li jkunu se jattendu għas-seduta u jiġu ċċekkjati wkoll il-basktijiet li jkollhom.

Dawn l-arranġamenti ta’ sigurtà se jkunu f’idejn il-Pulizija u ntqal li japplikaw għal kull min ikun sejjer il-Parlament inkluż l-uffiċċjali tas-sigurtà li jkunu qed jakkumpanjaw lill-membri parlamentari u l-Ministri.

Iċ-ċentru tal-aħbarijiet hu infurmat li jumejn ilu l-Whip tal-Oppożizzjoni, David Agius, kiteb lill-Ispeaker Anglu Farrugia u talbu li fl-isfond tal-inċident ta’ nofs din il-ġimgħa u l-fatt li fil-jiem li ġejjin se jsiru seduti importanti li jinkludu t-teħid ta’ voti dwar il-budget, tiżdied is-sigurtà fil-Parlament.