Barranin
Mhux permessi ġabriet ta’ iktar minn 6 persuni fir-Renju Unit

Min-nhar it-Tnejn fir-Renju Unit in-nies mhux se jkunu permessi li jinġabru fi gruppi ta’ iktar minn sitt persuni, hekk kif dan il-pajjiż ra żieda qawwija fil-każijiet tal-Covid-19.

It-tibdil fil-liġi jgħodd kemm għal ġabriet fil-pubbliku, kif ukoll għal ikliet jew festini li jsiru fid-djar. Dan iżda ma jgħoddx għall-iskejjel, il-postijiet tax-xogħol, attivitajiet sportivi tat-timijiet, u tiġien u funerali li jimxu mal-miżuri imposti.

Min jinqabad jikser il-liġi se jkun immultat £100, li tiġi rdoppjata kull darba li jinqabad, sa massimu ta’ £3,200.

Bħalissa fir-Renju Unit jistgħu jiltaqgħu barra persuni minn żewġ familji, irrelevanti mid-daqs, u jekk jaqbżu t-tletin persuna, il-Pulizija m’għandhiex saħħa twaqqafhom.

Il-Prim Ministru Boris Johnson, li mistenni jindirizza konferenza llum, qal li l-Gvern irid jaġixxi issa biex iwaqqaf il-virus milli jkompli jinfirex, u għalhekk qed jissimplifika u jsaħħaħ ir-regoli fuq il-kuntatt soċjali biex jinftehmu faċilment u biex il-Pulizija tkun tista’ tinforzahom.