Saħħa
AĠĠORNAT: Jitwaqqaf l-ivjaġġar minn 5 pajjiżi, €1,000 multa għal min ma josservax il-kwarantina

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li, bħal ma’ sar fil-każ tal-Italja, se jitwaqqaf l-ivjaġġar bl-ajru u l-baħar minn pajjiżi ta’ riskju, li huma l-Iżvizzera, l-Ġermanja, Franza u Spanja. Dan se jsir b’effett immedjat min-nofsillejl, u se jitħalla jsir biss vjaġġar ta’ merkanzija.

Iktar minn hekk, mil-lum, min se jidħol Malta minn dawn il-pajjiżi, se jkun taħt kwarantina obbligatorja f’daru. Dan filwaqt li min daħal mill-Italja sa erbatax-il jum ilu wkoll huwa obbligat jagħmel din il-kwarantina. Il-kwarantina tgħodd ukoll għal dawk li jiġu miċ-Ċina, inkluż Hong Kong, Singapore, Ġappun, Korea t’Isfel u l-Iran.

Waqt konferenza stampa llum waranofsinhar, il-Prim Ministru qal li min ma josservax il-kwarantina se jkun suġġett għal multa ta’ €1000 kull darba li jinqabad, u se jsiru spot checks regolari li se jkunu infurzati bil-Pulizija.

“Mhux se nittolleraw lil min mhux jagħmel kwarantina,” qal il-Prim Ministru. Qal li persuni li jgħixu fl-istess dar mal-persuna taħt kwarantina wkoll iridu joqgħodu taħt kwarantina, waqt li t-turisti jridu joqgħodu fil-kamra tal-lukanda tagħhom.

Ħabbar li se jitnieda servizz biex persuni fi kwarantina jkunu jistgħu jċemplu fuq helpline biex jitwasslulhom ix-xirjiet u l-prodotti mediċinali wara biebhom.

Il-Prim Ministru appella biex safar li mhux meħtieġ ma jsirx, u appella lill-anzjani biex joħorġu biss għall-bżonn.

Sostna li s-sitwazzjoni qegħda taħt kontroll u l-pajjiż imħejji għal kull eventwalità.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Segwi hawn taħt il-konferenza sħiħa:

https://www.facebook.com/TelevisionMalta/videos/2634879263503390/

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Il-bdoti u l-cabin crew tal-Air Malta mhux obbligati josservaw il-kwarantina