Lokali
Mhux se tintuża l-facial recognition fil-kameras tas-sigurtà fil-pubbliku

Id-Direttur tal-kumpanija tal-Gvern Safe City Malta, Joseph Cuschieri qal li l-pjan tal-Gvern għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ kameras tas-sigurtà avvanzati f’Paceville u l-Marsa, mhix ser tuża teknologija li tagħraf l-uċuħ, magħrufa bħala facial recognition. Min-naħa l-oħra, il-Kummissarju tad-Data Saviour Cachia qal li l-uffiċċju tiegħu qed isegwi mill-qrib dawn il-pjani biex jassigura r-rispett sħiħ tal-protezzjoni tad-data personali.

It-teknoloġija avvanzata li ser tiġi introdotta f’Paceville u l-Marsa s-sena d-dieħla, mhux ser tkun qiegħda tuża t-teknoloġija tal-facial recognition, li kapaċi tagħraf wiċċ minn ieħor. Ikkonferma dan maċ-Ċentru tal-Aħbarijiet id-direttur ta’ Safe City Malta, li qiegħda tagħmel il-provi fuq it-teknoloġija tal-Huawei, il-kumpanija li qed tiżviluppa l-kunċett ta’ safe cities. Is-Sur Joseph Cuschieri spjega kif it-teknologja li ser tintuża ser tgħin fl-operat tal-Pulizija għas-sigurtà mingħajr ma tagħraf l-uċuħ.

Cuschieri qal “din it-teknoloġija tant hija avvanzata li skont kif tikkonfigura tagħtik sinjali ta’ fejn jista’ jkun hemm kommosjoni, jew forsi ġlieda jew serqa. Allura din it-teknoloġija tagħti l-kapaċità lill-forzi tal-ordni li jkunu hemmhekk anki qabel isir reat u mhux sar reat, u l-forzi tal-ordni jkollhom devices f’idejhom li fuqhom titrasmetti mill-control centre, videos ta’ xi jkun qiegħed isir f’lokalità partikolari, biex qabel jaslu fuq il-post ikunu jafu x’ħa jsibu.”

Dwar suspetti li tqajmu minn pajjizi bħall-Istati Uniti u l-Kanada li t-teknoloġija tal-Huawei ser ikollha access għal pjattaformi tal-mowbajl, is-sur Cuschieri insista li l-kumpanija mhix ser ikollha aċċess għas-sistemi tad-data f’Malta.

Joseph Cuschieri qal li “ta’ min jgħid li f’pajjiż fejn hemm concerns fuq il-Huawei, huma aktar fir-rigward ta’ equipment li huma joffru lill-operaturi tat-telefonija ċellulari prinċipalment, li f’dan il-każ mhux ħa jkun hemm. Eżattament għax m’hawn l-ebda operatur f’Malta li għandu equipment tal-Huawei.”

Minħabba li din it-teknoloġija tipprovdi għal ġbir ta’ imaġni ta’ persuni f’postijiet pubbliċi u tinvolvi forma ta’ pproċessar, is-sur Cuschieri qal li qabel din tidħol fis-seħħ irid jintlaħaq qbil mal-Kummissarju tad-Data. Il-Kummissarju tad-Data, Saviour Cachia, ikkonferma ma’ TVM li diġà kellu laqgħa ma’ Safe City Malta u li ser jiżgura li din it-teknoloġija ser tkun qiegħda tirrispetta l-liġijiet tal-protezzjoni tad-data.

“Jidher li l-iskop principali hija biex tiprevjeni attività kriminali u fil-fatt issemmew Paceville u l-Marsa. Imma anki f’dawn iż-żewġ lokalitajiet, s’issa ma hemmx bażi legali biex din issir mill-lum għal għada, bilfors irid ikollok liġi għax tipprovi il-liġi Ewropea, il-GDPR.” qal Cachia.

Wara li jitlestew il-verifiki fuq livelll legali u tekniku, it-teknoloġija mistennija tidħol fis-seħħ sa tmiem is-sena d-dieħla.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Żewġt irġiel indarbu meta ttajru minn vettura f’B’Kara. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30am, bil-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Dun Karm, Birkirkara. Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih…

Kronaka

Raġel sofra minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fir-Rabat. L-inċident seħħ illum għall-ħabta tal-5.30pm fi Triq Sqaq iċ-Ċawla. Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija jirriżulta li seħħet ħabta bejn żewġ…

Lokali

Inqas minn ġimgħatejn bogħod mill-Milied xi ħadd se jkun qiegħed jiċċelebraħ bħala miljunarju hekk kif illejla ntrebħet is-Super 5. Skont il-Maltco, kien hemm biljett wieħed li rnexxielu jaqta’ l-5 numri…

Partit Laburista

F’ċerimonja fuq il-mafkar ta’ Jum ir-Repubblika fi Triq Diċembru 13 il-Partit Laburista sellem lil Malta Repubblika. Fi stqarrija ngħad li l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar is-sinjifikat ta’ din il-ġrajja…

Aktar