Kronaka
“Mhux soltu nibla’ xi ħaġa hekk imma kienu atturi tajbin” – jitkellmu iktar nies li ngidmu

Għadd ta’ persuni qed jallegaw li fl-aħħar ġimgħat waqgħu fin-nasba ta’ koppja li talbithom il-flus bl-iskuża li trid tittowja l-karozza.

Wara li dalgħodu xxandar filmat li juri lil din il-koppja jipprovaw jieħdu l-flus b’qerq mingħand in-nies, iktar persuni għamlu kuntatt ma’ TVM biex jgħidu li ġew imqarrqa b’dan il-mod.

Fost oħrajn raġel li nhar Jum il-Ħelsien kien qed isuq il-mutur fi Triq San Martin lejn Għajn Tuffieħa, meta ġie mwaqqaf minn din il-koppja li talbitu €19 biex jittowjaw karozza Peugeot 208 tal-kiri. Qal li tħassarhom u tahom €20.

“Talbuni n-numru tal-mobile u qaluli li kienu ħa jċempluli biex ituwhomli lura u anki qaluli ħa jħallsuli ikla biex jgħiduli grazzi!”, qalilna dan ir-raġel li ma xtaqx jissemma. “Ovvjament ma ċemplu qatt.” Żied li mhux soltu li jibla’ lixka bħal din, imma saħaq li dawn kienu atturi tajbin.

Persuna oħra qalet li l-mara kienet qed iddur u titlob il-flus fl-Imrieħel, fejn anki daħlet f’xi ħwienet, waqt li persuni oħra qalu li ġew imwaqqfa mill-koppja fil-Gżira, fis-Swieqi, f’Ta’ Qali, fil-Mosta u f’Ħal Qormi.

Minn tagħrif li kiseb TVM jirriżula li r-raġel huwa Malti u l-mara hija Irlandiża, u dawn ikunu regolarment ukoll fl-inħawi ta’ Birkirkara. TVM għadda d-dettalji li rċieva dwar l-identità ta’ dawn il-persuni lill-Pulizija.

Persuni li jemmnu li ngidmu bl-istess mod minn din il-koppja huma mħeġġa jagħmlu rapport mal-Pulizija.

Ara wkoll:

ARA: Jitlobhom il-flus darbtejn bl-iskuża li jrid iħallas lil tat-towing