Lokali
“Jiġri x’ jiġri dwar Brexit Malta tinsab preparata” – il-PM f’laqgħa ma’ Michel Barnier

In-negozjatur tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea Michel Barnier kellu jum ta’ taħdidiet f’Malta fosthom laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar ix-xenarji dwar il-Brexit wara l-aħħar estensjoni approvata mill-Unjoni Ewropea biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea. F’konferenza tal-aħbarijiet mal-Prim Ministru, Barnier saħaq li l-ballun jinsab f’saqajn ir-Renju Unit li jrid ifittex soluzzjoni dwar kif ser joħroġ mill-Unjoni Ewropea u r-relazzjonijiet futuri li jrid mal-Unjoni Ewropea.

In-negozjatur tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea Michel Barnier kellu laqgħa f’Kastilja mal-Prim Ministru Joseph Muscat biex iddiskuta l-aħħar żviluppi dwar il-Brexit u t-tħejjija ta’ Malta f’każ li l-Brexit iseħħ mingħajr ftehim.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Muscat irringrazzja lil Barnier għall-mod eċċelenti li bih mexxa n-negozjati dwar Brexit. Żied jgħid li waqt li jittama li jintlaħaq ftehim fil-Parlament Ingliż, Malta tinsab imħejjija kemm għal ħruġ bi ftehim kif ukoll għal ħruġ mingħajr ftehim. Dr Muscat qal li huwa importanti li Brexit ma joħloqx forma ta’ sħubija parzjali fl-Unjoni Ewropea u stqarr li l-ftehim negozjat mal-Gvern Ingliż m’għandux jerġa’ jinfetaħ.

Barnier qal li fin-negozjati ħadem fl-interess tal-Istati Membri kollha u ser ikompli jidjaloga mal-pajjiżi membri.Huwa wera apprezzament għal fiduċja li ngħata l-ftehim inkluż mill-Gvern Malti kif ukoll għas-sehem tal-Gvern Malti fil-proċess speċjalment waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Barnier sostna li l-ftehim dwar Brexit huwa importanti, iżda daqstant ieħor hija d-dikjarazzjoni politika li tistabilixxi r-relazzjonijiet kummerċjali futuri bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

F’Malta Barnier iltaqa’ mal-membri tal-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. Huwa qal li fi Brexit mhux ser ikun hemm rebbieħa. Iċ-Chairman tal-Kumitat, id-Deputat Edward Zammit Lewis, irringrazzja lil Barnier talli rnexxielu jżomm lill-Unjoni Ewropea magħquda dwar Brexit. Huwa qal li l-ħruġ tar-Renju Unit bi ftehim ikun fl-interess ta’ kulħadd.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

“Għajnu Aħmar it-Tonn” jew “It-Tonn tal-Melliħin” kienet l-għajta tas-sajjieda Melliħin li sal-bidu tas-sittinijiet kienu jbiegħu t-tonn li jaqbdu bit-Tunnara. Is-sajd bit-tunnara nqata’ iżda fil-mużew tat-Tunnara fil-bajja tal-Mellieħa, għaqda volontarja Melliħija ikkonservat…

Pulizija

Fl-aħħar xahrejn, l-uċuħ ta’ erba’ Pulizija saru familjari mal-komunità tal-Mellieħa. Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom “ta’ ġewwa”. Dawn l-erba’ uffiċċjali jiffurmaw l-ewwel Community Policing Team fi proġett pilota mniedi mill-Korp. Intervistat…

Malta

Fil-Greċja, hemm madwar 3,500 persuna b’konnessjonijiet Maltin, il-maġġoranza f’Korfu fejn jgħixu Griegi b’nisel Malti li saħansitra jwasslu sar-raba’ u l-ħames ġenerazzjoni. Waqt żjara fil-Greċja, il-President George Vella ltaqa’ ma’ rappreżentanti…

Aktar