Ippjanar u bini
Miċħud permess biex żewġt idjar f’Wied Għomor jinbidlu f’guest house

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar irrifjutat permess biex żewġ residenzi mal-ġenb ta’ Wied Ta’ Kalċi u Wied Għomor f’San Ġiljan jinbidlu f’guest house ta’ 12-il kamra.

Fi stqarrija maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar intqal li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-bidla fl-użu ta’ dan il-bini kien se jżid it-traffiku u l-problemi ta’ parkeġġ f’dan il-wied li huwa skedat u protett.

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-applikazzjoni naqset milli tipprovdi biżżejjed spazji ta’ parkeġġ, b’konsegwenza li se jiżdiedu l-karozzi pparkjati fit-triq.

Is-sit, li jinsab barra ż-żona tal-iżvilupp f’San Ġiljan, jifforma parti minn ‘buffer zone’ fil-livell 4 biex tkun protetta ż-żona ta’ importanza ekoloġika f’Wied Għomor.