
Miet Fr Alfred Darmanin, ġiżwita u rikonoxxut bħala wieħed mill-iżjed kontributuri importanti fil-qasam tal-psikoloġija fejn serva bħala lettur fl-Universita’ ta’ Malta għal diversi snin.
L-ordni tal-Ġiżwiti kkonfermat it-telfa tiegħu fi stqarrija fejn sellmet il-memorja ta’ Fr Darmanin SJ u ddeskrivietu bħala persuna devota lil Alla, ħabib sinċier u persuna intelliġenti u għarfa li kellha sens uman.
Il-Fakulta’ għat-tisħiħ tas-soċjeta’ fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta ddeskriviet il-kontribut tiegħu bħala seminali għad-dipartiment tal-Psikoloġija fejn introduċa id-degree fis-suġġett u ħarreġ lil eluf ta’ studenti inkluż letturi u amministraturi tal-Fakulta’.
Fr Darmanin SJ studja u speċjalizza fil-matematika, filosofija, teologija u l-psikoloġija f’Malta, Brussel, Washington, Michigan u California l-Istati Uniti.