Lokali
Miexi l-proċess biex Dun Mikiel Attard isir qaddis

Tribunal fil-Kurja ta’ Għawdex lesta s-smiegħ tax-xhieda ta’ persuni li kienu jafu mill-qrib lil Dun Mikiel Attard li ħajtu qiegħda tiġi studjata bir-reqqa bħala parti minn kawża għall-beatifikazzjoni. Is-saċerdot li għal ħafna għex ħajja qaddisa għadu kemm għalaq 17-il sena mejjet. L-Isqof ta’ Għawdex iddeskrivieh bi tliet frażijiet: bniedem integru, jikkomunika man-nies u jħoss mal-batut.

F’għeluq is-17-il sena mill-mewt tas-saċerdot Għawdxi Dun Mikiel Attard; l-Arċipriet tax-Xewkija, Dun Daniel Xerri, li kien qrib ta’ Dun Mikiel ta aġġornament dwar fiex wasal il-proċess tal-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ dan is-saċerdot min-Nadur.

“Il-kawża ta’ beatifikazzjoni fuq livell djoċesan miexi wara li t-tribunal sema’ aktar minn 90 xhieda ta’ persuni li kienu jafu lil Dun Mikiel. Bħalissa l-kummissjoni storika qiegħda tistudja l-kitbiet tiegħu u l-kummissjoni teoloġika qed tevalwa li l-kitbiet jaqbluma’ dak li tgħallem il-Knisja Kattolika.”

Dun Daniel Xerri qal li Dun Mikiel Attard kien verament bniedem t’Alla li ħa bis-serjetà l-esperjenza tal-fidi tiegħu, u li għex is-saċerdozju b’ferħ u b’ġenerożità. L-Arċipriet tax-Xewkija qal li Dun Mikiel Attard ta ħajtu għal ħaddieħor u li ħafna kienu jfitxxuh speċjalment għall-qrar u biex jieħdu d-direzzjoni spiritwali tiegħu.

“Ibbenefikaw mill-kariżma tiegħu ż-żgħażagħ, tfal tant saċerdoti u reliġjużi, morda u anzjani…Mikiel kellu mħabba partikolari lejn il-missjonijiet, imħabba lejn l-immigranti, il-familja, imħabba lejn il-bniedem b’dak li hu.”

Miriam Portelli kienet fil-grupp tal-missjoni ta’ Dun Mikiel.

“Hu kien jemmen li apparti l-flus dak li tista’ tagħmel mal-missjunarju huwa li tmur iżżurhom. Kien jgħid għal ftit taż-żmien nieħdu lil Għawdex għand il-missjunarju…ma kien jaqta’ qalbu minn xejn. Għalkemm kien ikun għajjien u anke kultant il-mard kien itellfu milli jagħmel dak li jixtieq, Dun Mikiel kien jibqa’ jirsisti li jakkumpanja lill-missjunarju fit-triq tiegħu.”

Anton Mercieca, membru tal-MUSEUM fin-Nadur, qal li jħobb jiftakar f’xi kliem li kien jgħid Dun Mikiel Attard u li bihom kien ikun ta’ kuraġġ għall-oħrajn.

“Kien iħobb jgħid din. Fil-ħajja hawn is-slaleb u hawn il-mard, aħna f’dawn l-okkażjonijiet jew nitħaddnu mas-salib ta’ Kristu, jew niddispraw mal-għuda ta’ Ġuda.”

L-anniversarju mill-mewt ta’ Dun Mikiel Attard tfakkar biċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu. Fl-omelija, l-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma qal li Dun Mikiel kien bniedem mal-bnedmin. Kien kapaċi jkellem u jitkellem ma’ kulħadd, jisma’ lil kulħadd miż-żgħir sal-kbir, mhux biss fl-età imma saħansitra politiċi, nies fil-poter, isqfijiet u kardinali.

“Bniedem integru, bniedem awtentiku, bniedem ta’ veru. Meta tarah u tisimgħu m’għandekx dubju x’inti tara u x’inti tisma’. M’għandekx taħseb imma għalfejn qed jgħid hekk.”

Monsinjur Anton Teuma qal li Dun Mikiel kien ukoll bniedem tal-batut li ġarr ħafna tbatija ta’ ħafna nies f’qalbu. Il-postulazzjoni tal-kawża għadha kemm ħarġet ktieb dwar kif Dun Mikiel Attard baqa’ fil-qalb ta’ dawk li ltaqgħu miegħu.