Ambjent
Miexi t-tindif ta’ Wied il-Qlejgħa – se jkun post uniku f’Malta

Bħala parti mill-proġett ta’ rijabilitazzjoni ta’ Wied il-Qlejgħa, ġew mnaddfa l-ewwel zewġ kilometri ta’ widien li mill-Wied tal-Fiddien jagħtu għall-bidu ta’ Wied il-Qlejgħa.

Television Malta żar il-proġett fejn permezz tat-tindif instabu l-passaġġi li nbnew fis-seklu dsatax biswit il-wied. Hawnhekk qed jiġi mħawla siġar indiġeni tal-imsaġar tal-ilma ħelu, mill-għaqda ambjentali Nature Trust.

Żewġ kilometri ta’ widien li jagħtu minn Wied il-Fiddien sal-bidu ta’ Wied il-Qlejgħa tnaddfu mill-ħamrija u l-ispeċi invażivi li spiċċaw jostakolaw il-wied. Permezz tad-tindif li qiegħed isir b’fondi Ewropej, instabu numru ta’ passaġġi li kienu ntradmu taħt il-ħamrija għolja sa tlett metri li nġarret għal ġol-wied, li kienet radmet il-passaġġi, li kienu nbnew fis-seklu dsatax.

Minbarra l-widien, tnaddfu wħud mid-digi li jżommu l-ilma u ġew installati barrikati mal-passaġġi.

Uffiċjal mill-aġenzija għall-enerġija u l-ilma, Neil Azzopardi Ferriggi, qal li l-proġett laħaq wieħed mill-għanijiet tal-viżjoni tal-proġett f’Wied il-Fiddien. “Dan għax ġiet iffurmata xmara tal-ilma ta’ iktar minn kilometru u nofs li min-naħa tal-Fiddien tieħdok sa taħt l-Imtarfa, u tkun miexi bl-ilma ħdejk. Dan nista’ ngħidu li ser ikun l-uniku post f’Malta li ser joffri dan it-tip ta’ ambjent, ta’ rikreazzjoni u mixjiet.”

Meta jitlesta l-proġett il-manutenzjoni tas-siġar u l-widien ser taqa’ f’idejn in-Nature Trust, li diġà hija parti mill-proġett permezz tat-tħawwil tas-siġar. Benjamin Camilleri, li huwa responsabbli mis-sit li qiegħed jiġi rijabilitat, spjega kif permezz tat-tħawwil ta’ siġar indiġeni tal-imsaġar ta’ mal-ilma ħelu, ser jgħinu biex iżommu l-ħamrija milli terġa’ tinżel fil-passaġġ tal-ilma.

“Dawn il-ħames t’elef siġra jikkonsistu fi 8 abitati, jiġifieri 8 komunitajiet differenti ta’ pjanti li nsibu fil-gżejjer tagħna, li jinkludu ħafna membri li huma rari. Xi wħud li aħna lħaqna bdejna nħawlu s’issa, jinkludu l-abitati li aħna nsibu mal-ilma, li jinkludiu l-imsaġar tal-luq u l-imsaġar taż-żafżaf iż-żgħir.”

Is-siġar li qegħdin jitħawlu bħala parti minn dan il-proġett pilota, diġà bdew jitħawlu, bis-Sur Camilleri jgħid li ħafna mis-siġar li tħawlu ntilfu minħabba l-vandaliżmu fiż-żona.

“Bħalissa ħawwilna ftit iktar minn elf siġra, sfortunatment nista’ nghħid li żewġ minnhom kollha tkissru jew inqalgħu, l-ikbar problema hija l-offroaders, li meta jgħaddu qegħdin jgħaffġu fuq kollox, kif qegħdin taraw warajja, ħawwilniha tliet darbiet fuq xahrejn.”

In-Nature Trust, li ser tkun qiegħda tieħu ħsieb din iż-żona twila żewġ kilometri, appellat lill-pubbliku biex iħares il-widien, u jħalli l-ambjent fil-wied tal-Fiddien jitkattar għall-ġid tan-natura u biex dan l-investiment ikun jista’ jitkattar u jitgawda mill-pubbliku.

Ara wkoll:

Wied il-Qlejgħa jgħaddi f’idejn Nature Trust Malta