Barranin
Mijiet arrestati waqt li l-pulizija ppruvaw iwaqqfu protesti b’turija ta’ appoġġ għal Alexei Navalny

Fir-Russja, mijiet ta’ persuni spiċċaw arrestati waqt li l-pulizija ppruvaw iwaqqfu protesti li qed isiru f’turija ta’ appoġġ għall-politiku fl-Oppożizzjoni Alexei Navalny. Mart Navalny, Yulia qalet li spiċċat arrestata waqt protesta fil-kapitali Moska. Eluf ta’ nies diġà ħadu sehem f’dimostrazzjoniiet fil-Lvant imbiegħed tar-Russja. Navalny li hu l-eħrex kritiku tal-President Russu Vladimir Putin, sejjaħ il-protesti wara li spiċċa arrestat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Huwa kien arrestat fis-17 ta’ Jannar malli mar lura Moska minn Berlin fejn kien qed jirkupra wara li safa’ avvelenat fir-Russja f’Awwissu li għadda. Malli wasal ir-Russja hu ġie arrestat immedjatament u nstab ħati li kiser kundizzjonijiet tal-parole. Navalny jsostni li din hija kampanja mmirata biex tgħalaqlu ħalqu u sejjaħ lill-partitarji tiegħu sabiex jipprotestaw. Diversi persuni qrib Navalny, fosthom il-kelliema tiegħu, ukoll sfaw arrestati.