Lokali
Filmat: “It-telfa ta’ Ismael mhix xi ħaġa ħafifa la għal ommu u lanqas għal erba’ ħutu li kien iqishom bħala ommijiet ukoll”

Mijiet ta’ żgħażagħ taw l-aħħar tislima tagħhom lil Ismael Grima, iż-żagħżugħ ta’ 21 sena li tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku kmieni s-Sibt li għadda f’Ħal Luqa.

Il-Parroċċa ta’ San Ġiljan laqgħet it-tebut taż-żagħżugħ fuq spallejn qraba u ħbieb tiegħu bil-knisja kienet mimlija nies fosthom ommu u l-erba’ ħutu bniet.

Dawk preżenti laqgħu s-sejħa li saret ilbieraħ mill-ħbieb tiegħu fejn appellaw biex għall-funeral jilbsu kif kien iħobb jilbes hu. Dan biex fi kliemhom jiġi rifless il-karattru ferrieħi u l-ħajja mixgħula li kienet jgħix Ismael magħruf l-aktar bil-laqam tiegħu iz Zy.

Fl-omelija tiegħu Dun Michael Camilleri, li huwa l-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Duminku tal-Belt, iddeskriva lil Ismael bħala persuna ta’ karattru ferrieħi, ċajtier, li jħobb il-ħajja u li jiġbed in-nies lejh.

Dun Camilleri żied li l-kapitlu ta’ ħajjet Ishmael fuq l-art spiċċa imma nfetaħ kapitlu ieħor li ma jagħlaq qatt.

Hekk kif spiċċat il-quddiesa u t-tebut inħareġ barra l-knisja bdiet tindaqq il-kanzunetta “You’ll Never Walk Alone” u grupp ta’ persuni poġġew bandiera tat-tim tal-Liverpool fuq it-tebut fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti u l-ilfieq fost ħafna minnhom inkluż żgħażagħ.

Ismael tilef ħajtu kmieni s-Sibt filgħodu wara li kien involut f’inċident ikraħ tat-traffiiku fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa meta ż-żagħżugħ tilef il-kontroll tal-karozza tal-għamla BMW320 CD Sport u baqa’ dieħel f’ħajt.

Mad-daqqa l-karozza spiċċat f’għalqa u ġarrbet ħsarat kbar tant li ż-żewġ żgħażagħ taru ‘l barra minnha. Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-mewt traġika tiegħu wasslet għal baħar ta’ messaġġi ta’ qsim il-qalb minn bosta żagħżugħ li ltaqgħu miegħu tul il-ħajja qasira tiegħu. Saħansitra fl-aħħar jiem kienu bosta minnhom li żaru u ħallew fjuri u messaġġi ta’ mħabba fuq il-post tad-diżgrazzja.