Avjazzjoni
Mijiet jerħulha lejn il-kosta tal-Qawra għall-wirja tar-Red Arrows

Mill-ġdid wara nuqqas ta’ xi snin . . . il-Wirja Internazzjonali tal-Ajru li qed tittella’ bejn illum u għada.

Apparti l-wrija statika fl-ajruport, wara nofsinhar il-kosta fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta . . . in-naħa tal-Qawra u Buġibba . . . kienet iddominata mill-ħoss u l-manuvri ta’ diversi ajruplani militari.

L-għeluq kien f’idejn ir-Red Arrows . . . . spettaklu tassew ta’ vleġeġ fl-ajru.

Wara n-nuqqas ta’ tliet snin, mijiet ta’ nies tpaxxew bil-manuvri aerobatiċi ta’ disa parteċipanti – individwali jew bħala tim – fis-26 edizzjoni tal-Wirja Internazzjonali tal-Ajru.

L-ispettaklu bejn sema u ilma sar tul il-kosta tal-Qawra fost oħrajn mill-forzi tal-ajru ta’ Franza, l-Iżvizzera, it-Turkija kif ukoll il-famużi Red Arrows li rritornaw Malta wara seba’ snin.

Dilettanti tal-avjazzjoni, familji Maltin u turisti fittxew l-aħjar pożizzjoni max-xatt tal-Qawra biex jassistu għal dan l-ispettaklu u ma’ Television Malta esprimew sodisfazzjon li l-avveniment seħħ.

“It’s very fun, I like it it a lot, my favorite one was of the loud jet. Ye the loud jet”.

“In-nies ikonkorrew, iddejqu ġewwa bil-Covid, it-temp jippermetti, Malta lucky … Settembru u għadna qed ingawdu t-temp tas-sajf hux hekk?!”.

“Eċitati … konna qed nistenewwha … tajba ħafna … prosit lill-organizzaturi … aħna anke barra mmorru biex naraw l-airshows”.

L-ispettaklu ngħalaq b’wirja mill-isbah mir-Red Arrows tal-Qawwa tal-Ajru Ingliża li momentarjament pittru s-sema b’faxx ikħal, abjad u aħmar.

Ma’ Television Malta, il-kap tal-iskwadra Adam Collins stqarr li r-ritorn fil-gżejjer Maltin kien ferm speċjali għat-tim Ingliż.

“It’s a wonderful country, the weather is beautiful and it’s great to see so many people who are interested in our display and we’re excited to show our display this afternoon”.

Apparti l-wirja tal-ajru tul il-kosta tal-Qawra l-pubbliku jista’ jsegwi mill-qrib l-ajruplani f’din l-edizzjoni f’Park 4 tal-ajruport, fin-naħa tat-Triq ta’ Ħal Farruġ.