Qasam soċjali
Mil-lum flus minn Tallinja card tat-tfal għal xiri ta’ apparat li jgħin tfal bl-awtiżmu

Mil-lum il-flus li jidħlu minn kull Tal-Linja card tat-tfal se jmorru għax-xiri ta’ apparat li bih jingħataw għajnuna t-tfal bl-awtiżmu u oħrajn li għandhom problemi gravi tal-viżta.

Din il-kampanja qed issir mill-Malta Public Transport b’kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation.

Il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-apparat jgħin lil dawn it-tfal waqt l-istudji tagħhom u fil-ħajja tagħhom b’mod ġenerali tant li spjegat kif min użah diġà wera d-differenza.

“L-avvanzi kbar li għamlu, fl-iżvilupp tagħhom, huwa inkredibbli u naturalment allura t-tfal mhux biss ikollhom is-sodisfazzjon għalihom, għall-familja tagħhom, imma wkoll, jekk Alla jrid, la jsiru adulti se jkunu f’qagħda li jkunu produttivi għal pajjiżna. Hemm żagħżugħ ta’ 10 snin li kiteb ktieb”.

Il-General Manager tal-Malta Public Transport Konrad Pule qal li jinsab ħerqan li din l-inizjattiva se tirnexxi.

“Ma stajniex ngħidu le għal inizjattiva bħal din, li hija idea tal-Malta Trust Foundation, fejn il-flus kollha li jinġabru minn issa sal-aħħar ta’ Lulju minn Tal-Linja cards kollha li jiġu reġistrati ħa jmorru direttament għal din l-inizjattiva”.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg irrimarka li kampanja bħal din tħajjar ukoll iktar tfal jużaw it-trasport pubbliku u tnissel fihom kuxjenza favur arja nadifa u sostenibbli.

Konrad Pule żied li “jekk inħeggu lit-tfal japprezzaw iżjed l-alternattivi kollha li hawn biex wieħed jivvjagga mhux dejjem bil-karozza iktar hemm ċans ‘il quddiem ikollna tnaqqis fil-konġestjoni, tnaqqis fit-tniggis u jkollna aktar modi fejn wieħed jista’ jgħaddi minn post għal ieħor b’mod aktar effiċjenti”.

Tal-Linja card tat-tfal hija mmirata għal dawk li għandhom bejn l-4 u l-10 snin.

F’Settembru li ġej il-Malta Public Transport se torganizza attivitajiet għal kull min ikollu Tal-Linja card tat-tfal u l-familji tagħhom.