Negozju
Mil-lum in-negozji jistgħu japplikaw għal żewġ skemi ta’ għajnuna

Il-Gvern, permezz tal-Malta Enterprise, beda jilqa’ l-applikazzjonijiet min-negozji u s-‘self employed’ għal żewġ skemi li permezz tagħhom in-negozji jistgħu jirċievu sa €10,000 f’għajnuna biex ikunu jistgħu jirriġeneraw in-negozju tagħhom wara l-pandemija.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostennibli Miriam Dalli qalet li l-iskemi se jgħinu lin-negozji fi żmien ta’ sfida permezz ta’ inċentivi li jagħmlu differenza għan-negozji Maltin.

Permezz ta’ żewġ skemi ta’ għajnuna l-Malta Enterprise qiegħda tgħin lin-negozji milquta ħażin waqt il-pandemija tal-Covid.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li mil-lum fetħu l-applikazzjonijiet għaż-żewġ skemi, Change to Grow u Restart Business, li huma mmirati li jħeġġu lin-negozji biex jirriġeneraw in-negozji tagħhom.

“Qed nagħtu €5,000 fuq servizz ta’ konsulenza imma €5,000 oħra biex b’mod konkret dak is-servizz ta’ konsulenza jimplimentah fin-negozju tiegħu. Fit-tieni waħda, ir-Restart Business, qegħdin ngħidu li l-‘business’ li għalaq jew qata’ qalbu fi żmien tal-pandemija, minħabba li naqqas in-negozju, biex jieħu wkoll €5,000 biex jara kif se jirriġenera u jerġa’ jqajjem in-negozju tiegħu imma anke biex jimplimenta dak in-negozju illi kien għaddej bih u forsi f’dan il-mument għandu jibdel xi ħaġa sabiex jissaħħaħ”.

Għaż-żewġ skemi l-ispejjez eliġibbli m’għandhomx ikunu relatati ma’ xiri ta’ propjetà jew prodotti imma jista’ jinkludu l-kirja, reklamar u spejjeż oħra li jkun hemm bżonn biex in-negozju jkun jista’ jerġa jdawwar ir-rota.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriza u l-Iżvilupp sostenibbli Miriam Dalli qalet li dawn l-iskemi se jgħinu lin-negozji fi żmien ta’ sfida permezz ta’ inċentivi li jagħmlu differenza għan-negozji Maltin.

“L-iskemi li ħabbarna huma grazzi għan-negozjati li għamilna mar-rappreżentanti tal-‘businesses’ f’pajjiżna, u meta konna qegħdin nitkellmu magħhom rajna l-importanza li ngħinu lin-negozji u nappoġjawhom sew fil-fażi ta’ konsulenza u anke fil-fażi ta’ implimentazzjoni biex dawk il-‘businesses’ li għandhom bżonn jagħmlu pass ‘il quddiem u jikbru aktar ikunu jistgħu jagħmlu dan u dawk il-‘businesses’ li minħabba l-pandemija qalgħu daqqa negattiva jkunu jistgħu jibdew mill-ġdid”.

Il-Ministru Dalli qalet li qiegħda tiġi kkunsidrata wkoll għajnuna psikoloġika għal sidien ta’ negozji li għaddew minn żmien diffiċli tul il-pandemija.