Lokali
Mil-lum inċentivi biex jiġu rriġenerati djar b’karatteristiċi tipiċi Maltin

Min jixtri, jew diġà xtara u qed jirrestawra djar antiki li tħallew diżabitati jew li jinsabu fil-qalba tal-irħula mhux se jħallas taxxa fuq il-bejgħ u xiri ta’ dawn id-djar u se jingħata wkoll għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa ċertu ammont.

Dawn huma tnejn mill-miżuri mħabbra lbieraħ fil-budget li se jgħoddu wkoll għal min jibni b’arkitettura tipika u tradizzjonali Maltija. Min jixtri għall-ewwel darba din it-tip ta’ proprjetà se jingħata għotja ta’ €15,000 li tirdoppja jekk tkun f’Għawdex.

Il-President tas-Sezzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà fl-MDA Michael Bonello, qal li l-interess għax-xiri ta’ dawn il-proprjetajiet żdied fl-aħħar snin.

Taħt it-tema ta’ “Żvilupp Sostenibbli”, il-Gvern wera l-fehma li fis-settur tal-proprjetà għandhom jiġu riġenerati proprjetajiet diżabitati u jitla’ bini b’karatteristiċi tipiċi Maltin u b’kemm jista’ jkun ħdura u enerġija li tiġġedded.

F’miżura maħsuba biex tgħin jintlaħaq dan l-għan, tħabbar ħelsien tat-taxxa fuq bejgħ u xiri ta’ proprjetà li ilha wieqfa aktar minn 20 sena iżda għal mill-anqas seba’ snin tħalliet vojta; proprjetajiet li jinsabu fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana li hi l-qalba tal-lokalitajiet; u bini ġdid li jitla’ bi stil u arkitettura tradizzjonali bħalma huma l-gallariji u l-bieb tipiku Malti. Għal dawn it-tip ta’ proprjetajiet, il-Gvern qal li mil-lum neħħa t-taxxa tal-Capital Gains u t-taxxa tal-boll b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-proprjetà. Intqal li din il-miżura tgħodd ukoll għal min bħalissa għandu konvenju u għadu ma għalaqx il-kuntratt.

Dawk li se jixtru dawn il-proprjetajiet għall-ewwel darba se jirċievu għotja ta’ €15,000; waqt li jekk il-proprjetà tkun f’Għawdex l-għotja se tkun doppju: €30,000. Il-Gvern spjega li dan sar biex aktar żgħażagħ u koppji Għawdxin ikunu mħeġġa jibnu l-ġejjieni tagħhom f’Għawdex. Dawn iż-żewġ miżuri daħlu fis-seħħ immedjatament mill-għada tal-budget u huma validi għal tliet snin.

Daħlet fis-seħħ ukoll għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa massimu ta’ €54,000 fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr u irfinar. Il-Ministru tal-Finanzi qal li dan qed isir għax il-Gvern jifhem li r-riġenerazzjoni ta’ dawn id-djar tiswa aktar mill-medja.

L-għotja fuq il-valur tal-VAT tgħodd ukoll għal min diġà xtara proprjetà u għaddej bir-restawr.

Intervistat miċ-Ċentru tal-Aħbarijiet, il-President tas-Sezzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, MDA, Michael Bonello, qal li l-interess għax-xiri ta’ dawn il-proprjetajiet żdied fl-aħħar snin.

“Nemmen li f’dawn l-aħħar snin kien hemm interess anke mill-MDA u l-President Sandro li baqa’ jimbutta biex ċertu locations jibqgħu toroq sbieħ u l-investituri jinvestu biex jirranġaw id-djar flok jiżviluppawhom. Din l-inizjattiva qed tgħin lill-iżviluppatur li se jinvesti, se jirranġa d-dar, ħa jikkonvertiha u se jitfagħha għall-bejgħ in a finished state.”

Fil-budget ġew estiżi wkoll l-iskemi ta’ tnaqqis fit-taxxa tal-boll kemm għal dawk li jixtru l-ewwel proprjetà, it-tieni proprjetà u wkoll dawk li jixtru proprjetà f’Għawdex. Il-Gvern ħabbar ukoll li dawk il-miżuri li kienu eżistenti sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija fuq dan is-settur se jintemmu kif kien stipulat, jiġifieri f’Ġunju tal-2022.