COVID-19
Mil-lum jibda jsir ir-rapid testing tal-COVID-19

Mil-lum beda jsir ir-rapid testing tal-COVID-19, bir-riżultat tiegħu joħroġ fi ftit tal-minuti. Dan se jibda jsir fl-isptar Boffa, fil-Floriana, għall-ħaddiema tas-saħħa, passiġġieri li jaslu Malta fl-ajruport u oħrajn li jkollhom bżonn riżultat malajr wara li jċemplu n-numru 111. F’kummenti ma’ Television Malta id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li r-rapid testing ser iżid elf test ieħor mal-madwar tlett elef swab test li qegħdin isiru kuljum.

Mill-Erbgħa qed jiżdied ir-rapid testing tal-COVID-19 li se jkun qed jingħata wkoll b’xejn. Dan se jkun qed isir f’ċerti każijiet minflok is-swab test li ilu jsir minn Marzu li għadda.

It-test magħruf bħala antigen kit, jiġi amministrat minn tim mediku, jinvolvi t-teħid ta’ swab minn madwar il-griħmej. Minn hemmhekk l-iswab titħallat minnufih ma’ likwidu, li jigi trasferit fuq tray li jimmarka r-riżultat permezz ta’ linji fi ftit minuti.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li dan it-test għalissa ser ikun qed jingħata mill-isptar Boffa fil-Furjana.

“Nistgħu nagħmlu testijiet f’sitwazzjonijiet fejn ir-riżultat ikollna bżonnu malajr. Fil-fatt mil-lum stess ħa niftħu hub apposta għar-rapid testing ġewwa il-Furjana u l-ġimgħa d-dieħla ser niftħu ċentru ieħor fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, nibdew nużawh ukoll fl-ajurport, fl-iskejjjel, fid-djar tal-anjzjanra u fil-kura primarja.”

Il-Deputat Prim Ministru Fearne qal li t-test li jagħti r-riżultat fi ftit tal-minuti u ser ikunu qed isiru mal-1,000 wieħed kuljum. Fl-istess waqt spjega li s-swab tests se jibqgħu jsiru minn diversi ċentri b’medja ta’ 3,000 kuljum.

L-ittestjar kien ukoll is-suġġett ewlieni ta’ konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen li ħabbret numru ta’ miżuri biex titrazzan l-imxija tal-COVID. Hija qalet li 19 l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jridu jaġixxu b’mod iktar ikkordinat dwar l-itestjar. Żiediet tgħid li l-Kummissjoni Ewropea se tqassam b’xejn 22 miljun rapid test lill-pajjiżi membri, inkluż Malta.

“For our part we are mobilizing €100 million Euros, from the emergency support instrument, to purchase rapid tests that we will then distribute to the member states and we launched a joint procurement to make more available.”

Von Der Leyen qalet li s-sitwazzjoni fl-Ewropa hija serja ħafna minħabba li bħalissa hija l-epiċentru tal-pandemija. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li b’intraċċar aħjar tal-virus, l-Ewropa tista’ tnaqqas l-imxija tal-COVID-19 jekk kulħadd jerfa’ r-responabilità tiegħu.