Konsumatur
Mil-lum mediċina għall-mard tal-qalb torħos b’€47

Pazjenti b’mard kroniku tal-qalb u l-iskizofrenija se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn roħs f’erba’ mediċini. Dawn huma l-Procolaran li tintuża għall-mard fil-qalb, li raħset b’aktar minn €46; il-mediċina Aripiprazole li tintuża għall-kura tal-iskiżofrenija li raħset b’aktar minn €10, Rivaroxaban li tintuża għall-prevenzjoni tal-puplesiji li roħsot b’aktar minn €27 filwaqt li Perindopril, mediċina li tintuża għal min ibati minn pressjoni għolja roħsot bi kważi €2.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista, qal li f’dawn l-aħħar tmien snin il-Gvern mhux biss raħħas għadd ta’ mediċini, iżda għamilhom iktar aċċessibbli. Qal li l-Awtorità tal-Mediċini llum tħaddem disgħin ħaddiem, għoxrin minnhom spiżjara bl-ogħla grad akkademiku fil-farmaċija rikonoxxuti fuq livell internazzjonali.

Il-Ministru Clayton Bartolo qal li d-Direttorat tal-Liċenzjar fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini awtorizza ‘l fuq minn 4,200 mediċina u li fl-aħħar tmien snin saru 71 spezzjoni internazzjonali rikonoxxuti mill-Food and Drug Administration. Qal ukoll li fis-suq lokali hawn aktar minn sbatax-il elf prodott tal-kannabis mediċinali.

Mistoqsi minn TVM dwar mediċini li jew ma baqgħux jiġu impurtati mir-Renju Unit minħabba Brexit jew li saħansitra għolew, il-Ministru Bartolo wieġeb li l-Gvern qiegħed jaħdem dwar dan mal-awtorità.

“Qegħdin naraw li jkollna s-supply kollha bħala pajjiż u anki diversifikazzjoni ta’ minn fejn inġibu l-mediċini biex nassiguraw li bħala pajjiż inkunu koperti u mhux talli jogħlew imma jkun hemm roħs fil-mediċini.”

TVM tkellem ukoll maċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċini, Prof Anthony Serracino Inglott, li qal li l-problema ta’ nuqqas ta’ ċerti mediċini fis-suq jew żieda fil-prezzijiet ġejja mhux biss minn Brexit iżda minħabba l-pandemija.

Ara hawn il-lista ta’ mediċini bil-prezzijiet il-ġodda: