COVID-19
Mil-lum qed jiġi infurzat l-ilbies tal-maskri fit-triq

Is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci fakkret li mil-lum qed jiġi inforzat l-ilbies tal-maskri fil-postijiet pubbliċi kollha. Min jinqabad bla maskra jista’ jeħel €50, liema multa tista’ titla’ għal €100.

Waqt l-aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19, Prof Gauci qalet li l-użu tal-maskri huwa effettiv kontra l-imxija tal-Covid-19, u importanti li din tintuża sew. Il-maskra trid tkun tingħalaq sew mal-wiċċ, m’għandhiex tintmiss bla bżonn u trid tinbidel ta’ spiss.

Prof Gauci enfasizzat fuq l-importanza li kulħadd jilbes il-maskra, anki fuq il-post tax-xogħol.

Il-maskra trid tintlibes mill-bieb ‘il barra, għajr għal xi eċċezzjonijiet, fosthom jekk qed qiegħed fil-karozza privata tiegħek. Jekk se trikkeb nies fil-karozza li ma jgħixux miegħek, huwa rakkomandat li tilbes il-maskra.

Tfal taħt it-tliet snin huma eżentati għax dawn ma jafux iżommuha fuqhom, kif ukoll persuni bi bżonnijiet partikolari li għandhom jagħmlu ċertifikat mit-tabib u jżommuh dejjem fuqhom.

Hemm sitwazzjonijiet oħra fejn l-ilbies tal-maskra huwa eżentat, eżempju tfal tal-kinder waqt li jkunu fil-klassi, f’komunikazzjoni ma’ persuni neqsin mis-smigħ, u waqt diskors pubbliku, li iżda ma japplikax għall-għalliema fil-klassi.

Il-maskra tista’ ma tintlibsx waqt attività fiżika rigoruża bħal ġiri, iżda waqt il-mixi trid tintlibes. Tista’ tintalab tneħħi l-maskra f’sitwazzjonijiet ta’ sigurtà bħal bank jew l-ajruport fejn ikollok tiġi indentifikat, u waqt li tkun bilqegħda ma’ restorant biex tiekol, iżda meta tqum minn postok għandek tilbisha.