Lokali
Miljun ewro minn ħlasijiet ta’ ċitazzjonijiet – se jintużaw fi proġetti fi bliet u rħula

20 Kunsill Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali se jieħdu bejniethom aktar minn miljun ewro f’fondi li nġabru minn ħlas ta’ ċitazzjonijiet mill-Aġenzija LESA. Dettalji ngħataw mill-Ministru Byron Camilleri f’attività li fiha tħabbru l-proġetti li se jgawdu minn dawn il-fondi.

Fost l-oħrajn, f’Għawdex se jitqassmu pedal cycles lil kull lokalità biex jintużaw minn żgħażagħ; il-kunsilli ta’ Ħal Lija, il-Kalkara u l-Fgura se jixtru vannijiet elettriċi għat-trasport tar-residenti; u żewġ spazji miftuħa se jiġu riġenerati: Ġnien Lorry Sant f’Raħal Ġdid u Joanne Gardens f’Ħal Tarxien, fejn saret l-attività.

Parti mill-flus li jinġabru mill-ħlas ta’ ċitazzjonijiet mogħtija mill-uffiċjali tal-aġenzija LESA se jingħataw lill-Kunsilli Lokali biex jinvestuhom lura fil-lokalità tagħhom. Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħabbar 21 proġett li ġew proposti mill-Kunsilli Lokali u ntgħażlu biex jiġu mgħejjuna minn dawn il-fondi.

Il-proġetti approvati jvarjaw mit-tisbiħ tal-ambjent u spazji miftuħa, it-tisħiħ fis-sorveljanza u sigurtà, il-ħarsien tal-patrimonju kulturali u proġetti li jinkoraġixxu trasport nadif jew aternattiv bħall-vetturi bl-elettriku.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li minkejja li l-multi u t-taħkiriet huma ta’ deterrent, il-Gvern m’għandux l-intenzjoni li jikkastiga lin-nies u għalhekk il-flus miċ-ċitazzjonijiet qed jintefqu biex isiru proġetti ta’ fejda fil-komunità.

“Ħriġna sejħa għall-kunsilli lokali Malta u Għawdex bl-iffirmar tal-ftehim mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sabiex il-Kunsilli Lokali jkunu huma stess li jersqu ‘l quddiem b’diversi proġetti taħt guidelines speċifiċi li jistgħu iwettqu fil-lokalitajiet tagħhom.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores, qal li kull xahar jinħarġu medja ta’ 25 elf ċitazzjoni għall-kontravenzjonijiet li jvarjaw minn ksur fir-regolamenti tas-sewqan għal multi minħabba ksur fil-ħarsien tal-ambjent.

“Imxerrda ir-reġjuni huma kollha bilanċjati jiġifieri aħna ma noqogħdux nikkomparaw reġjun ma reġjun sfortunatament isiru kullimkien fil-lokalitajiet aħna ma nagħmlux differenza jekk hux post jew post ieħor.”

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava qal li l-għan tal-proġetti magħżula hu li titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

“Il-kunsilli lokali ma jkollhomx fondi speċifiċi biex jagħmlu proġetti bħal dawn u għalhekk dan il-ftehim bejn l-assoċjazzjoni u l-LESA qed jgħinhom biex b’miljun ewro fis-sena jiġu investiti fi proġetti bħal dawn li ċertament ħa jgħinu lill-komunitajiet u lir-residenti tagħna bl-iskop ewlieni jkun li intejbu il-kwalità ta’ ħajja tar-residenti tagħna f’lokalitajiet differenti.

Il-ftehim ikopri perjodu ta’ tliet snin.