Safar
Mill-1 ta’ Ġunju l-passiġġieri abbord l-ajruplani tal-Air Malta jridu jilbsu l-maskra

Permezz ta’ post fuq Facebook, il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta qalet li qed tipprepara għall-mod ġdid ta’ vjaġġar u avżat li mill-1 ta’ Ġunju 2020 il-passiġġieri jridu bilfors jilbsu maskra biex jitilgħu abbord l-ajruplani tagħha.

Qalet li l-evidenza turi li r-riskju ta’ trasmissjoni tal-virus abbord l-ajruplan hija baxxa minħabba sistemi ta’ filtrazzjoni tal-arja u ta’ ventilazzjoni effiċjenti ħafna.

Biex tkompli tnaqqas dan ir-riskju diġà baxx, l-Air Malta qalet li se tkun qed tobliga lill-passiġġieri fuq it-titjiriet tagħha sabiex jilbsu maskra l-ħin kollu.

Qalet li huwa rrakkomandat ukoll li l-passiġġieri jżommu l-maskra anki waqt li jgħaddu mill-ajruport sew qabel u waqt li jagħmlu check-in kif ukoll mal-wasla fid-destinazzjoni tagħhom meta jiġbru l-bagalji sakemm joħorġu barra mill-ajruport.

Avżat li passiġġieri mingħajr maskra mhux se jitħallew jitilgħu abbord l-ajruplan.

Bħalissa l-Air Malta topera bejn tliet u erba titjiriet kuljum.