Trasport
Mill-1 ta’ Ġunju trasport dirett għall-passiġġieri mill-Port tal-Imġarr u l-Port il-Kbir

Wara snin imwiegħed u mixtieq, f’anqas minn xahar u nofs jibda servizz ġdid ta’ trasport għall-passiġġieri bejn Malta u Għawdex . . . il-fast ferry bejn il-Port tal-Imġarr u l-Port il-Kbir.

S’issa huma tnejn l-operaturi li wieġbu għal sejħa li saret minn Transport Malta u se jibdew bil-vjaġġi mill-1 ta’ Ġunju. L-awtorità qed tirsisti biex tlesti fil-ħin l-infrastruttura għall-irmiġġ u faċilitajiet għall-passiġġieri.

Il-Ministru Ian Borg spjega lil Television Malta li s-servizz tal-fast ferry se jagħti ċ-ċans lill-pubbliku juża kullana ta’ servizzi oħra ta’ vjaġġar alternattiv għall-vettura privat.

Parti mix-xatt f’Ta’ Liesse fil-Port il-Kbir li tinsab taħt il-livell tat-triq, u żona fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex, ġew identifikati bħala l-post fejn l-operaturi tas-servizz tal-fast ferry se jorbtu biex iniżżlu u jtellgħu l-passiġġieri abbord. Ic-Chairman ta’ Transport Malta, Joseph Bugeja, spjega li fiż-żewġ postijiet għaddej xogħol biex titlesta fil-ħin l-infrastruttura meħtieġa għal dan l-għan. Fost il-kundizzjonijiet li l-awtorità għamlet fis-sejħa, l-operaturi jridu jkunu liċenzjati, jużaw opri tal-baħar ċertifikati, li abbord jifilħu mill-anqas 250 passiġġier f’daqqa u jagħmlu l-vjaġġ f’anqas minn 45 minuta.

”Diġa’ għandna żewġ operaturi bi tliet opri tal-baħar li diġa’ rreġistraw l-interess mal-awtorità u se jibdew joperaw fl-1 ta’ Ġunju. Dawn l-operaturi qed nagħmlu laqgħat kontinwi magħhom biex nikkoordinaw is-servizzi. Għalissa se jkun hemm irmiġġ Għawdex u irmiġġ il-Belt. Allura hemm laqgħat għaddejjin biex l-iskedi jagħtu loġistika tajba u fl-istess ħin jaqdu l-ħtiġijiet tal-passiġġieri.”

Ma’ Television Malta, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg qal li l-gvern mhux iħares lejn dan is-servizz ġdid waħdu, iżda li jkun hemm l-infrastruttura f’postha biex malli l-passiġġieri jinżlu l-art isibu mezzi differenti kif jaslu fejn iridu. Spjega li fil-każ tal-Port il-Kbir, passiġġieri li jridu jaslu bil-mixi l-Belt jew lura għax-xatt se jkunu jistgħu jużaw bla ħlas il-lift tal-Barrakka ta’ Fuq.

“Qegħdin naħdmu fuq l-infrastruttura pedonali sal-lift, il-lift vertikali li mbagħad jieħdok għall-faċilitajiet tat-trasport pubbliku li se jkunu integrati mal-operaturi li ngħataw il-possibiltia’ jintegraw mal-pjattaforma tat-trasport pubbliku.”

Iċ-Chairman ta’ Trasport Malta tkellem dwar il-ħsieb li f’Ta’ Liesse, mal-wasla tal-katamarani jkun hemm servizz tat-trasport pubbliku dirett għall-Junior College, l-Universita’ u l-Isptar Mater Dei u l-MCAST. Żied jgħid li minn hawnhekk wieħed jista’ juża l-ferries għall-Kottonera jew imur trasport b’xejn għan-naħa l-oħra tal-Belt u minn Marsamxett jaqbad il-ferries għal Tas-Sliema. Ic-chairman tal-awtorità qal li bl-istess mod hemm impenn li f’Għawdex is-servizz ikun komdu u effiċjenti għal min jużah.

Mistoqsi kemm se jkun il-ħlas għall-vjaġġ, is-Sur Bugeja qal li l-prezz mhix se tirregolah l-awtorità.

“Din id-darba biddilna l-mudell, m’hawnx tendering process hawnhekk u allura s-suq irid isuq. Jiġifieri hawnhekk kull operatur qiegħed jagħmel l-analiżi tiegħu, skont is-servizz tiegħu, biex jagħti l-aktar prezz kompetittiv u mbagħad jiġġudika l-passiġġier li jrid juża dak is-servizz.”

Iż-żewġ operaturi li għamlu pubbliku l-ħsieb li joperaw servizz ta’ fast ferry – il-kumpaniji Virtù Ferries u Gozo Fast Ferry – għad iridu jħabbru l-iskedi tal-vjaġġi u n-nollijiet.