Lokali
Mill-1 ta’ Lulju: Normalità ġdida fil-qasam tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità

Wara konsultazzjoni mal-Awtorità tas-Saħħa Pubblika u l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, minn nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Lulju se jibdew jiġu offruti l-kumplament tas-servizzi offruti fil-komunità mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Dawn huma s-servizzi taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Anzjanità Attiva, taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tad-Dimenzja, tan-Night Shelters u tas-Silver-T. Il-bookings għas-Silver-T jistgħu jibdew isiru minn nhar il-Ħamis 25 ta’ Ġunju billi wieħed iċempel fuq 21695544.

L-istess bħas-servizzi li diġà huma fis-seħħ, diversi istruzzjonijiet li jassiguraw kemm is-saħħa tal-anzjani kif ukoll is-saħħa tal-ħaddiema jridu jiġu segwiti. L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali se tkun qed tassigura li dawn l-istruzzjonijiet jiġu segwiti. Wieħed jista’ jikseb aċċess għal dawn l-istruzzjonijiet billi jidħol fuq https://activeageing.gov.mt/en/Pages/Latest_Featured.aspx.

S’issa, is-servizzi li huma fis-seħħ huma dawk tal-Home Help, tal-Fiżjoterapija, tal-Podoloġija, tal-Occupational Therapy, tal-Comm Care, ta’ Respite fid-djar, ta’ Social Work, tad-Dementia Intervention Team, ta’ handyman u s-servizz offrut miċ-Ċentru Servizz Anzjan.

Miżuri mill-Aġenzija Sapport dwar ftuħ mill-ġdid tas-servizzi għal persuni b’diżabilità

L-Aġenzija Sapport bħalissa tinsab għaddejja bi preparamenti sabiex terġa’ tibda twassal is-servizzi tagħha b’mod aktar wiesa’. Dan wara li fl-aħħar xhur kien hemm il-ħtieġa sabiex diversi servizzi jitwaqqfu jew jitwasslu b’mod virtwali jew imnaqqas bil-għan li jkunu ssalvagwardjati l-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom.

Fost il-miżuri li bdew jew se jiġu applikati, skont direzzjoni u linji gwida indikati mill-awtoritajiet, l-Aġenzija tħabbar li:

1. Iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità se jkunu qed jiftħu u jilqgħu l-klijenti fihom minn nhar l-Erbgħa 1 ta’ Lulju. Dan is-servizz se jkun qed jingħata lil numru mnaqqas ta’ klijenti fl-istess ħin permezz ta’ skeda sabiex ma jkunx hemm numru kbir ta’ persuni ġewwa fl-istess waqt. Il-gruppi żgħar se jkunu dejjem magħmulin mill-istess persuni sabiex jitnaqqas il-kuntatt bejn ħafna nies differenti. Dan is-servizz se jkun qed jinkludi wkoll servizz ta’ trasport lejn u miċ-Ċentri. Dawk il-benefiċjarji li jkunux qed jattendu ċ-Ċentri, ser ikunu qed jingħataw sessjonijiet onlajn.

2. Persuni b’diżabilità li jgħixu fir-residenzi mmexxija mill-Aġenzija Sapport bdew iżuru lill-qraba tagħhom mit-Tnejn 15 ta’ Ġunju. Persuni b’diżabilità residenti f’dawn id-djar jistgħu wkoll jirċievu żjarat minn qrabathom. Residenti li jkollhom bżonn imorru għax-xogħol jew fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum se jkunu qed isegwu rutina ta’ iġjene meta jirritornaw lura fir-residenza. Qed jiġu evitati ħarġiet f’postijiet b’ħafna nies.

3. Is-servizzi fil-komunità bdew jingħataw mill-Erbgħa 17 ta’ Ġunju wara li l-klijenti u l-familjari tagħhom ikkonfermaw li jixtiequ jerġgħu jibdew jirċievu s-servizz u ġie maqbul in-numru ta’ sigħat ta’ servizz fil-ġimgħa. Dan qed jinvolvi wkoll pjan ta’ tranżizzjoni għall-benefiċjarji. Qed tingħata prijorità lil dawk li huma meqjusa bħala każijiet ta’ emerġenza u li mhumiex qed jirċievu servizzi oħra. Fejn hu possibbli, is-servizz qed jingħata fuq barra.

4. Interventi ta’ ħidma soċjali se jkunu qed isiru mill-uffiċini tal-Aġenzija. Fejn hu neċessarju li jsir assessjar wiċċ imb’wiċċ jew fid-djar b’appuntament meta dan hu meqjus każ ta’ emerġenza jew prijorità, wieħed hu mitlub li jsegwi l-miżuri msemmija bħala prevenzjoni.

5. Ħarġiet fil-komunità ma’ klijenti se jkunu qed isiru fi gruppi żgħar ta’ mhux aktar minn 6 persuni u f’postijiet fuq barra.

6. Sessjonijiet mit-terapisti tal-ACTU bdew isiru wiċċ imb’wiċċ mit-Tnejn 15 ta’ Ġunju skont l-urġenza tal-każ. F’każ ta’ assistenza rigward apparat teknoloġiku, tingħata għajnuna bit-telefown jew onlajn jekk il-każ jippermetti. Żjarat fid-djar ser jibdew isiru mill-Erbgħa 1 ta’ Lulju.

7. Servizzi mogħtija miċ-Ċentru ta’ Għajxien Indipendenti Sonia Tanti (STILC) se jerġgħu jibdew jingħataw mill-Erbgħa 1 ta’ Lulju.

8. Id-Dipartiment tal-Iskemi (People Assistance Schemes) se jkun qed jilqa’ appuntamenti għal applikazzjonijiet ta’ skemi kuljum bejn it-08:30 u s-13:00. Assessjar mill-Occupational Therapists b’konnessjoni ma’ dawn l-iskemi beda jsir mit-Tnejn 15 ta’ Ġunju f’Malta u mill-Erbgħa 17 ta’ Ġunju f’Għawdex. Persuni li jixtiequ jippostponu l-appuntament minħabba l-vulnerabilità tagħhom, jingħatalhom appuntament ieħor aktar tard.

9. Kull persuna li se tkun qed tidħol fil-binjiet tal-Aġenzija Sapport se tintalab timxi ma’ miżuri ta’ mitigazzjoni, fosthom teħid ta’ temperatura, użu ta’ hand sanitiser, użu ta’ maskri jew visors, u numru żgħir ta’ persuni fl-istess ħin u post. Persuni b’temperatura ta’ ’l fuq minn 37.2C jew b’sintomi tal-Covid-19 ma jitħallewx jidħlu fil-bini. Fil-każ ta’ klijenti, dawn jintalbu jippreżentaw ċertifikat mediku sabiex ikunu jistgħu jirċievu servizz.

10. L-Aġenzija ser tkun qed iżżomm dettalji (isem, kunjom, numru tal-karta tal-identità u dettalji tal-appuntament) ta’ kull persuna li tattendi fil-bini tagħha. Dan għall-eventwalità ta’ contact tracing.

11. Ħaddiema li għandhom kuntatt dirett mal-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom se jkunu attrezzati bi lbies protettiv u prodotti bħal diżinfettant u hand sanitiser. Vetturi li jintużaw sabiex jingħata servizz se jkunu diżinfettati. L-uffiċini u l-binjiet kollha minn fejn l-Aġenzija tagħti servizz se jkunu qed jitnaddfu u jiġu diżinfettati qabel dawn jerġgħu jilqgħu klijenti fihom minbarra li jsir tindif b’mod regolari.

12. Il-pubbliku hu mħeġġeġ biex fejn jista’ jċempel lill-Aġenzija fuq 2256 8000 jew jibgħat email fuq [email protected] minflok ma jmur direttament fl-uffiċini tal-Aġenzija mingħajr appuntament. Applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu wkoll bil-posta fl-indirizz Aġenzija Sapport, Triq Patri Ġwann Azzopardi, Santa Venera, jew jiġu sottomessi onlajn mis-sit www.sapport.gov.mt.

Ir-rapport sħiħ bil-miżuri kollha tal-ftuħ mill-ġdid ta’ dawn is-servizzi jista’ jiġi aċċessat fuq https://sapport.gov.mt/en/Documents/Reopening%20Measures%20for%20Sapport%20services.pdf.