Edukazzjoni
Ċekkjatur għall-Malti biex isib l-iżbalji u jagħti alternattivi

Wara snin ta’ stħarriġ, is-sena d-dieħla se jibda l-proċess biex il-lingwa Maltija jkollha ċ-ċekkjatur li jiddentifika u jagħti alternattivi għall-iżbalji ortografiċi li spiss iżommu lil ħafna lura milli jiktbu bil-Malti. Fil-budget tas-sena d-dieħla, il-Gvern alloka fondi għal dal-proġett li għalih mistennija toħroġ sejħa pubblika għal dawk interessati li jiżviluppaw din l-għodda.

Uħud iħossuhom aktar komdi jiktbu bl-Ingliż milli bil-Malti għax isibu diffikultà fejn pereżempju jpoġġu l-‘għ’ u l-‘h’/ Din id-diffikultà tista’ tingħeleb jekk il-Malti bħal lingwi oħra jkollu ċekkjatur li jiddentifika l-iżbalji ortografiċi u grammatikali fuq l-internet.

Konxju li n-nuqqas ta’ din l-għodda jista’ jwassal biex il-lingwa Maltija tintilef, akar u aktar fl-era diġitali, il-Gvern ser jibda x-xogħol biex il-lingwa Maltija jkollha ċekkjatur li biex jiġi żviluppat hemm eżerċizzju mhux żgħir.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, David Muscat qal lil Television Malta li mill-istudju META-NET, li sar fl-2012, ħareġ li l-Malti, l-Iżlandiż, il-Latvjan u l-Litwan huma l-aktar lingwi mhedda fuq il-pjattaforma diġitali.

“Jekk nitkellem fuq il-Finlandiż u fuq l-Estonjan relativament huma żgħar u dawn diġà għandhom għodod li aħna m’għandniex u importanti li l-Malti biex ikompli jevolvi u anke jidħol fi sferi oħrajn speċjalmenti diġitali u teknoloġiċi jkollu wkoll iċ-ċekkjatur.”

Is-Sur Muscat qal li biex ċekkjatur ikun tajjeb irid ikun kapaci li mhux biss jiddentika l-iżbalji imma anke jagħti alternattivi.

“Irid ikun jaf ir-regoli ortografiċi u grammmatikali tal-Malti. Qegħdin nitkellmu jiġifieri meta dawn jiġu mbagħad maħduma f’argoritmi, jiġifieri għandek mill-inqas mal-elf u sitt mitt regola. Fid-database mill-inqas irid ikun hemm – mill-ftit riċerka li għamilna – ħmistax-il miljun kelma differenti.”

Fil-budget għall-2020, il-Gvern ħabbar li se jibda l-proċess biex iċ-ċekkjatur għall-Malti jkun disponibbli għall-użu fuq l-internet. Is-Sur Muscat qal li l-pjan hu li din l-għodda tkun bla ħlas.

“Jista’ jkun li l-ewwel jibda minn fuq il-bank tal-iskola għat-tfal, l-iktar li għandhom bżonnu speċjalment u għall-edukaturi u ‘l quddiem . . . għax dan trid tagħmel proġett pilota biex jitħaddem u kif ikun qed jintuża’ u studji marbutin miegħu imma eventwalment għandu jkun bla ħlas għal kulħadd bħalma nsibu ta’ lingwi oħra.”

Għal dan il-proġett, il-gvern mistenni joħroġ mat-8 miljun ewro, bl-ewwel miljun u tmien mitt elf ewro huma vvuttati fil-budget għas-sena d-dieħla.

Fil-budget, il-Gvern ħabbar li bil-għan li jippromovi l-użu tal-Malti se jiġi organizzat konkors fil-kitba u se jingħata aktar piż lis-sinifikat letterarju tax-xogħol ta’ Dun Karm u lil-lingwa Maltija.

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

“In-nannu dejjem kien jgħidli li l-baħar tad-Dwejra hu l-isbaħ baħar li hawn fil-Mediterran u llum dan nista’ nikkonfermah” Annie Formosa hi l-kuratriċi ta’ ċentru ta’ edukazzjoni ambjentali dwar il-baħar li…

Lokali

Il-ġmiel ta’ pitturi li jiksu l-ħitan tal-kappella privata f’Palazzo De La Salle, li jinsab fil-parti t’isfel ta’ Triq ir-Repubblika, il-Belt, jistgħu jerġgħu jiġu apprezzati mill-pubbliku hekk kif tlesta r-restawr tagħhom….

Għawdex

Waqa’ fil-muta l-arloġġ taċ-Ċittadella f’Għawdex. Il-mekkaniżmu tal-arloġġ li għandu kważi mitejn u ħamsin sena żżarma minn postu u qed jiġi restawrat għand kumpanija ta’ arluġġara f’Għawdex stess. Il-mekkaniżmu mistenni jitreġġa’…

Aktar