Lokali
Mill-5 ta’ Lulju jibdew l-attivitajiet soċjali u kulturali b’udjenza bilqiegħda u limitata

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne ħabbar li mill-5 ta’ Lulju se jerġgħu jibdew jiftħu l-attivitajiet soċjali u kulturali fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.

F’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru għall-Kultura Jose Herrera u s-Suprtendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, Dr Fearne qal li dawn l-attivitajiet se jkunu jistgħu jattendu għalihom biss dawk li jkollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

L-attivitajiet jistgħu jsiru kemm ġewwa u kemm barra iżda f’post magħluq fejn ikun hemm l-entratura kkontrollata.

Id-deputat Prim Ministru qal li għalissa l-attivitajiet permessi se jkunu għal udjenza bilqiegħda skont il-protokolli ta’ saħħa pubblika biex tibqa’ tinżamm id-distanza soċjali.

Qal li għal kull attività se jitolbu li timtela’ formula ta’ risk assessment li se tkun disponibbli mit-Tnejn li ġej mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

In-numru li jistgħu jattendu għal dawn l-attivitajiet se jibda jiżdied b’mod gradwali. Dan ifisser li fil-5 ta’ Lulju, attività jista’ jkollha 100 persuna, li tiżdied ħmistax wara għal 150 ruħ u fit-2 ta’ Awwissu għal 200 ruħ.

Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu ta’ kwalunke xorta fosthom kulturali u soċjali.

Il-Ministru għas-Saħħa qal li dan ifisser li b’mod kawt u mingħajr ma qed nipperikolaw dak li erbaħna s’issa bis-saħħa tal-vaċċin u l-miżuri restrittivi se nkunu qegħdin nerġgħu niftħu l-ħajja kulturali u soċjali.

“Dan hu l-mument fejn l-aktar li irridu nuru serjetà u dixxiplina. Irridu noqogħdu attenti li ma nieħdux il-liġi b’idejna u naħsbu li issa għadda kollox għax madwarna il-pandemija għadha għaddejja b’mod qawwi”, qal il-Minsitru Fearne.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Herrera qal li wara li fis-7 ta’ Ġunju fetħu s-swali taċ-ċinema u t-teatri, issa qed nidħlu fit-tieni fażi. Se niftħu b’mod gradwali l-attivitajiet u l-avvenimenti b’mod kontrollat b’udjenza limitat fejn id-dħul ikun ikkontrollat għal dawk li se jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Waqt li se jiftħu b’ammont ta’ 100 ruħ, f’erba’ ġimgħat se niftħu għal attivitajiet ta’ 200 ruħ. Dan għax kull ħmistax, in-numru jiżdied b’50 ruħ. Dawn ma jinkludux staff, crew tekniku u artisti.

Qal li s-settur għandu l-grinta u l-ħeġġa biex jesprimi t-talenti tiegħu, jiġġenera x-xogħol u joħloq attività ekonomiku. Madnokollu qal li biex dan iseħħ, ma nistgħux nirriskjaw li nħottu dak li qed noħolqu b’mod gradwali.

Qal li jinsab ċert li l-organizzaturi, il-promoturi u dawk kollha involuti fl-industrija kulturali se jkunu qed joperaw fil-limitazzjonijiet b’mod responsabbli għax jafu li l-uniku triq hi li niftħu b’mod gradwali u bilgħaqal.

Il-Ministru Herrera qal li jifhem li mhux kull attività ta’ 100 ruħ tiġġenera dħul neċessarju. Qal li l-impenn tal-gvern jibqa’ ċar u kif tul l-aħħar xhur ħoloq programm u inizjattivi u skemi b’valur ta’ €4 miljun, anke f’dan il-każ fi ftit jiem se titnieda skema li tgħin dan il-bidu li jaf ikun diffiċli.

Il-Prof. Charmaine Gauci qalet li dawk li ma jistgħux jieħdu l-vaċċin fosthom tfal taħt il-11-il sena se jkunu jistgħu jattendu għal dawn l-attivitajiet iżda b’għadd ta’ kundizzjonijiet. Dawk taħt il-5 snin mhux se jkollhom bżonn ebda test tal-Covid-19, waqt li dawk ta’ bejn il-5 snin u 11-il sena, iridu jippreżentaw test. In-nisa tqal iridu jippreżentaw ċertifikat li huma tqal u test tal-Covid li juru li huma negattivi għall-virus.

Qalet li dawn id-dokumenti fosthom iċ-ċertifikat tal-vaċċin irid jiġi ċċekkjat fl-entratura u l-organizzaturi se jkollhom faċilità li jivverifikaw li ċ-ċertifikat tal-vaċċin huwa validu. Dan ifisser li l-organizzaturi jridu japplikaw għall-permess mal-MTA u li dawn l-events iridu jsiru permezz ta’ booking, jiġifieri m’hemmx nies li jistgħu jaqbdu u jidħlu jew permezz ta’ biljetti fl-entratura.

Hawnhekk qalet li jrid jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat tal-vaċċin bil-QR code, il-crew irid ikollu ċ-ċertifikat tal-vaċċin u l-organizzaturi jistgħu jirrifjutaw lil xi ħadd li jidher ma jiflaħx.

Il-limitu ta’ persuni fil-post huwa ta’ persuna għal kull 4 metri kwadri b’capping li jibda b’mitt ruħ. Qalet li jekk l-attività se ssir barra, irid ikun hemm distanza ta’ bejn 5 u 10 metri biex tevita li jinġabru n-nies.

Saħqet li dawn l-attivitajiet ma jistgħux jiġu permessi f’postijiet residenzjali lanqas dawk li jkunu bil-kera. Dan ifisser li ħadd ma jista’ jikri post residenzjali u jorganizza xi attività fih.

F’dawn l-attivitajiet in-nies ma jistgħux iqumu bilwieqfa ħlief int u dieħel jew biex tagħmel il-bżonnijiet tiegħek. F’dawn l-attivitajiet ma jistax ikun hemm waqfiet (breaks) għax jista’ jagħti lok li n-nies jibdew jitħalltu.

L-ikel irid ikun servut fuq il-mejda u ebda buffet ma jista’ jiġi servut. F’dawn l-attivitajiet għandhom jintlibsu l-maskli ħlief meta persuna tkun qed tiekol u t-tipjip mhux permess.

L-organizzaturi għandhom l-obbligu li jżommu r-rekords tal-persuni li qed jattendu u fejn se jpoġġu biex f’każ li joħroġ każ pożittiv, jiġi identifikat mill-ewwel.