COVID-19
Imħabbra regoli ġodda li jippermettu attivitajiet b’udjenzi akbar

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru regoli ġodda li permezz tagħhom introduċew kunċett ġdid ta’ bubbles li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jittellgħu attivitajiet li jattendu għalihom aktar minn mitt ruħ.

Skont ir-regoli l-ġodda, mill-5 ta’ Lulju li ġej jistgħu jittellgħu attivitajiet b’bubbles ta’ 100 ruħ. Dan sakemm kull grupp ta’ 100 ruħ ikun għalkollox separat minn ieħor fejn l-udjenza tidħol u toħroġ minn entratura differenti u tkun servuta wkoll minn staff differenti.

Dan in-numru massimu għal kull bubble jitla’ għal 150 fid-19 ta’ Lulju u 200 fit-2 ta’ Awwissu li li ġej.

L-attivitajiet jinkludu dawk kulturali, artistiċi, żfin, teatru u mużika; attivitajiet bħal konferenzi, għoti ta’ premjijiet, konferenzi ġenerali u attivitajeit sportivi.

Dawk li jattendu, kemm jekk staff kif ukoll jekk mistednin, iridu jibbukjaw minn qabel u jridu jippreżentaw iċ-ċertifikat li ħadu l-vaċċin.

In-numru ta’ dawk li jattendu ma jridx jaqbeż il-persuna għal kull erba’ metri kwadri.

In-nies iridu jibqgħu bilqiegħda u lebsin il-maskri. Il-maskri jistgħu jitneħħew biss biex il-persuna tiekol jew tixrob.

L-udjenza trid toqgħod bilqiegħda fi gruppi ta’ mhux iktar minn sitta żewġ metri bogħod minn gruppi oħra.

Tfal bejn il-5 u l-11-il sena jridu jippreżentaw test negattiv li jkun sar sa 24 siegħa qabel waqt li dawk taħt il-5 snin ma jkunx hemm bżonn jippreżentaw ċertifikat jekk ikunu flimkien ma’ adult li jkollu ċertifikat li ħa l-vaċċin.

Ir-regoli l-ġodd tħabbru mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.