COVID-19
Mill-aħħar tax-xahar jistgħu japplikaw għat-tilqima tal-Covid dawk minn 16-il sena ‘l fuq

Id-Deputat Prim Minsitru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mill-aħħar minn dan ix-xahar stess il-Gvern se jilqa’ reġistrazzjoni għat-tilqim kontra l-Covid-19 minn persuni fuq is-sittax-il sena, meta dan kien ippjanat li jsir f’nofs Awwissu.

Id-Deputat Prim Ministru kien qed jagħlaq id-diskussjoni dwar mozzjoni biex il-Gvern jissellef aktar minn gvernijijet barranin u minn istitutuzzjonijiet lokali u barranin.

Huw qal li l-Gvern ordna biżżejjed konsenji tal-booster għall-vaccin kontra l-Covid-19 biex jilħaq il-poplu kollu fil-ħarifa li ġejja. Stqarr li l-pajjiż qed iżid ukoll il-mezzi ta’ refriġirazzjoni għall-vaċċin.

Huwa qal li sal-lum 60 fil-mija tal-popolazzjoni ħadet mill-anqas l-ewwel tilqima kontra l-Covid 19. Qal li 56 fil-mija tal-persuni bejn 30 u 39 sena ħadu t-tilqima jew irreġistraw għaliha.

Il-Minsitru Fearne qal li l-ħidma ekonomika tal-Gvern hija mmirata biex il-qgħad jibqa’ f’rata baxxa, waqt li mil-lat ta’ saħħa, il-pandemija tibqa’ prijorità.

Huwa qal li l-Gvern qed jistenna awtorizazzjoni mill-awtorità Ewropea tal-mediċini biex ikun jista’ jlaqqam ukoll persuni bejn it-tnax u’l ħmistax il-sena. Huwa qal li fl-istess waqt l-awtoritajiet Maltin qegħdin jgħassu kontra l-varjanti tal-virus bil-genome testing.

Il-mozzjoni kienet approvata mingħajr ma ttieħed vot.