Mill-bidu tas-sena d-dieħla, t-trasport pubbliku mill-ġdid f’idejn il-privat

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi, ħabbar li l-kumpanija Autobuses de Leon għandha tieħu f’idejha s-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta mill-bidu tas-sena d-dieħla.

F’intervista ma’ tvm.com.mt il-Ministru Mizzi qal li n-negozjati mal-kumpanija Spanjola li kienet ressqet l-aħjar offerta fl-espressjoni ta’ interess jinsabu fi stadju avvanzat.

Żvela li t-talba għas-sussidju minn din il-kumpanija hi ferm anqas minn dak li talbet l-Arriva u l-kumpaniji Maltin li għamlu l-offerta tagħhom.

Fi żmien tliet xhur oħra, it-trasport pubbliku mistenni jirritorna f’idejn il-privat wara li jiġu konklużi n-negozjati bejn il-gvern u l-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li għall-bidu tas-sena d-dieħla l-operatur il-gdid jieħu f’idejh it-trasport pubbliku. Qal li l-gvern ma jridx trasport pubbliku li wara sena jfalli imma trasport pubbliku sostenibbli, bi ħlas li jiflaħ iħallas kulħadd.

Mistoqsi jekk l-operatur il-ġdid hux ser iżomm il-ħaddiema li bħalissa huma impjegati fis-servizz tat-trasport pubbliku, il-Ministru Mizzi qal li l-kumpanija Spanjola qatt ma qalet li se tkeċċi ħaddiema jew li se ddaħħal ħaddiema barranin minflok il-Maltin. Żied li fin-negozjati l-gvern ħa prekawżjonijiet biex iħares l-impjiegi eżistenti.

Il-Ministru Mizzi qal li l-priorità hi li lil dawn il-ħaddiema jħarrġuhom biex ikunu professjonali mhux ikeċċuhom. Żied li l-vetturi se jiżdiedu, dawn iridu jħaddmuhom bil-ħaddiema.

Il-Ministru Joe Mizzi spjega li s-sussidju lill-operatur hu meħtieġ għax inkella s-servizz ifalli, kif qal li ġara bl-Arriva.

Fakkar li l-Arriva kienet talbet €45 miljun biex tkompli taħdem f’Malta iżda qal li l-gvern ma kien lest iħalli lil ħadd jisraq lill-poplu bi ħlas għal servizz li ma kienx qed jingħata kif suppost.

Indika li l-offerta tal-kumpanija Spanjola hi ferm anqas minn hekk u minn kemm riedu l-kumpaniji l-oħra Maltin li tefgħu l-offerta.

Is-servizz tat-trasport pubbliku issa ilu aktar minn disa’ xhur f’idejn il-gvern.

Ċifri għall-ewwel nofs tas-sena juru li meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra l-passiġġieri żdiedu b’disgħa fil-mija. l-ilmenti naqsu b’4,000 u l-manutenzjoni ta’ rutina fuq il-karozzi tal-linja qed issir kull sitt ġimgħat minflok kull 12-il ġimgħa.

Il-Ministru Mizzi caħad li hemm karozzi tal-linja li mhumiex jintużaw biex flokhom jintużaw vetturi tal-kuntratturi bi ħlasijiet addizzjonali. Qal li l-karozzi li mhux jintużaw m’għandhomx arja kundizzjonata u wara ilmenti ġustifikati mill-pubbliku twaqqfu mis-servizz.