Lokali
Mill-bidu tas-sena l-gwardja tal-kosta Libjana waqqfet 8,000 immigrant milli jivvjaġġaw lejn l-Ewropa

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, qal li mill-bidu tas-sena l-gwardja tal-kosta Libjana waqqfet 8,000 immigrant milli jibdew vjaġġ lejn l-Ewropa u kkwota rapport tal-Frontex li qal isemmi li dalwaqt tibda mewġa oħra ta’ immigrazzjoni. Fil-fehma tal-Ministru Bartolo, mingħajr ftehim bejn il-Libja u l-Unjoni Ewropea mhux ser ikun hemm il-progress li Malta trid f’dan il-qasam. L-immigrazzjoni kienet waħda mit-temi trattati fil-programm INSIGHTS li ffoka fuq il-Libja.

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom fehmiet komuni dwar ir-relazzjonijiet bilaterali li Malta għandu jkollha mal-Libja. Dan is-sentiment ħareġ mit-tweġibiet tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-kelliem tal-oppożizzjoni għal dan il-qasam Carm Mifsud Bonnici. Huma aċċennaw li fattur kruċjali hi l-qrubija ġeografika bejn iż-żewġ pajjiżi.

“Malta fil-pożizzjoni li qiegħda tista’ tintuża ħafna jew favur jew kontra l-Libya. Tmenin fil-mija tal-kummerċ kollu li jidħol fil-Libya jgħaddi mill-Freeport ta’ Malta.”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin, Carm Mifsud Bonnici qal “naħseb li jkun żball għall-pajjiżna li jien u l-ministru noqgħodu nagħtu fuq il-politika barranija”.

Il-Ministru Bartolo qal li x-xogħol fuq l-Ambaxxata u l-Konsulat ta’ Malta fil-Libja huma avvanati u ħabbar li Malta kellha sehem f’operazzjoni ta’ tneħħija ta’ splussiv li tħalla fi djar ta’ familji Libjani minn truppi li kienu leali lejn il-Ġeneral Khalifa Haftar.

“Ħidma ma esperti beix il-poplu Libyan u l-famiji Libyani ikunu jistgħu jerġgħu jirritornaw lejn djarhom mingħajr ma jmutu u jisplodu. Min neħħihom? Il-forzi armati? Le kellna esperti, arranġament ma’ kumpanija apposta li hija mħarrġa f’dan il-qasam, il-forzi armati sintendi taw l-għajnuna esperta tagħhom”.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li bastiment tal-qawwiet navali Libjani li ilu snin Malta se jintbagħat lura wara li nżamm hawnhekk biex ma jintużax fil-kunflitt bejn il-Libjani nfushom. Qal li la darba l-poplu Malta jkun tlaqqam kollu, Malta se tagħti tilqim għall-COVID-19 f’ġest ta’ solidarjetà lil-Libja.