Lokali
“Mill-esperjenza tal-Covid-19, il-pajjiż għandu jibqa’ ppreparat għal kull eventwalità”

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar żar id-Depot tal-Pulizija fil-Furjana, il-Kwartieri tal-Forzi Armati f’Ħal Luqa u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku fit-23 ta’ Ġunju. Hemmhekk iltaqa’ ma’ għadd ta’ ħaddiema li kollha jagħmlu xogħol siewi biex is-servizzi jingħataw 24 siegħa kuljum, is-sena kollha.

Fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, iltaqa’ mad-Direttur Ġenerali, is-Sur Emanuel Psaila, u mal-ħaddiema kollha, u segwa t-taħriġ li kien għaddej fosthom taħriġ ta’ salvataġġ fl-għoli kif ukoll taħriġ ta’ dekontaminazzjoni minn materjali tossiċi. Ra wkoll l-aħħar inġenji li nxtraw, fosthom vetturi tat-tifi tan-nar u apparat speċjali ieħor kif ukoll l-imħażen u garaxx li qed jinbnew għall-vetturi tat-tifi tan-nar.

Fid-Depot tal-Pulizija, is-Segretarju Permanenti Ewlieni iltaqa’ ma’ uffiċjali tal-Pulizija li servew waqt il-pandemija u żar iċ-ċentru speċjalizzat tal-112 fejn jidħlu t-telefonati kollha ta’ emerġenza. Żar il-bini l-ġdid fuq wara tad-Depot li se jkun qed iservi ta’ ċentru konsolidat li fost l-oħrajn se jilqa’ fih is-Cyber Crime Unit, control room ġdida u laboratorji forensiċi. Dan il-proġett ta’ madwar €1.5 miljun mistenni jitlesta s-sena d-dieħla.

Fil-Kwartieri tal-Armata, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ntlaqa’ mill-Brigadier, is-Sur Jeffrey Curmi, u ddawwar maċ-ċentri speċjalizzati li fihom issir sorveljanza ta’ dak kollu li jkun qed jiġri fit-territorju Malti, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. Is-Sur Cutajar iltaqa’ ma’ uffiċjali li jagħmlu xogħol ta’ monitoraġġ kontinwu fuq il-baħar.

Il-Kap taċ-Ċivil irrimarka li hu importanti li l-forzi dixxiplinati jibqgħu jaġġornaw irwieħhom maż-żminijiet. Hu rringrazzja lill-ħaddiema kollha għax bis-saħħa tagħhom il-pajjiż ra lis-Servizz Pubbliku fl-aqwa tiegħu. Enfasizza li mill-esperjenza li akkwistajna waqt il-Covid-19, nibqgħu nippreparaw irwieħna għal kull eventwalità li tista’ tolqot lill-poplu Malti.

Żied li bl-investiment li qed isir fil-forzi dixxiplinati tagħna, is-servizz li qed jingħata qed ikompli jkun dejjem tal-aqwa kwalità fejn il-pubbliku għandu serħan il-moħħ li l-pajjiż jinsab ippreparat għal kulma jista’ jinqala. Hu appella lil kull min jixtieq jagħmel differenza fis-soċjetà biex ifittex karriera fis-Servizz Pubbliku.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Ir-reġjun Spanjol ta’ Katalunja reġa’ mpona restrizzjonijiet biex irażżan l-imxija f’żona fejn jgħixu 210,000 persuna u fejn fl-aħħar jiem kien hemm żieda fil-każijiet ġodda ta’ coronavirus. Ħadd mhu se jitħalla…

COVID-19

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li l-istrateġija tiegħu kontra l-coronavirus sejra tajjeb, minkejja ż-żieda fil-każijiet madwar il-pajjiż kollu. Fil-messaġġ tiegħu tal-4 ta’ Lulju, Trump qal li pajjiżu qed jagħmel…

Politika

Il-gvern fi stqarrija qal li jieħu nota ta’ dak li qalet l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-President ta’ Malta u tal-Prim Imħallef. Għall-ewwel darba fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru qed ineħħi…

Aktar