Qorti
Inqabad imexxi l-eroina moħbija fil-ħobż f’Kordin

Raġel li qed jiskonta 30 sena ħabs fuq qtil reġa’ weħel 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati li mexxa d-droga f’Kordin.

Melchior Spiteri ta’ 43 sena, li kien instab ħati li qatel lil Jason Azzopardi s-Sufu fl-2001, inqabad jagħti l-eroina lil priġunier ieħor fil-ħabs.

Il-każ seħħ f’Jannar 2007, meta Spiteri mar fis-Central Hall tal-ħabs u għajjat lil ċertu Dominic Bonnici ta’ 57 sena, li dak il-ħin kien qiegħed f’Diviżjoni 2. Spiteri għadda sandwich lil Bonnici mill-kanċell, filwaqt li qallu biex “ma jeħodhiex drawwa.”

Għal dan kollu assista l-gwardjan tal-ħabs Noel Mifsud Bonnici, li dak il-ħin kien għassa viċin il-kanċell. Huwa qal li għokritu għajnu, u mill-ewwel ordna lil Bonnici jagħtih is-sandwich. Ġo fih sab qratas tal-karti mimlija bi trab kannella, li iktar tard irriżulta li kien eroina.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, emmnet il-verżjoni tal-gwardjan, minkejja li l-akkużati ppruvaw iwaħħlu fih. Qalet li x-xhieda tal-gwardjan kienet konsistenti u appoġġjata mill-Maġġur Peter Vella.

Żiedet tgħid li ma kienx hemm dubju li, kemm Spiteri u kif ukoll Bonnici, kienu konxji li fil-ħobż kien hemm id-droga.

Dwar il-piena l-Qorti kkunsidrat il-kondotta ta’ Spiteri, fejn kien diġà ġie kkundannat għall-ħabs 28 darba oħra. Huwa kien għalhekk ikkundannat 18-il xahar ħabs oħra u multa ta’ €900, filwaqt li Bonnici kien ikkundannat ħames xhur ħabs.