Mill-ġdid servizz ta’ ambulanza fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid

Wara nuqqas ta’ snin sħaħ, illum fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid reġa’ beda jkun hemm servizz ta’ ambulanza.

Fi stqarrija l-Gvern qal li fil-passat kien ikun hemm ambulanza f’dan iċ-ċentru li twaqqfet minn amministrazzjoni preċedenti.

L-ambulanza fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid se tintuża f’każ ta’ bżonn għall-pazjenti tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

In-numru tal-emerġenza huwa 112. Sal-bieraħ il-prassi kienet li tintalab li tiġi ambulanza minn Mater Dei.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne qal li din hija prova oħra ta’ kemm għall-Gvern il-kura primarja hija essenzjali fiċ-ċirku ta’ servizzi tas-saħħa.

Żied li l-kura primarja hija l-ewwel kuntatt li persuna jkollha mal-qasam tas-saħħa u għalhekk dan is-settur għandu jkun mgħammar kif jixraq għal kull eventwalità.