COVID-19
Mill-ġimgħa d-dieħla se jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet fl-isptar u ż-żjarat fid-djar tal-anzjani

Il-Gvern ħabbar li min-nhar it-Tnejn se jerġgħu jinfetħu l-iskejjel u pjan ta’ kif se jiġu rilaxxati xi miżuri oħrajn fil-ġimgħat li ġejjin. Mill-ġimgħa d-dieħla wkoll se jerġgħu jibdew isiru l-operazzjonijiet fl-isptar u ż-żjarat fid-djar tal-anzjani. Ġimagħtejn wara se jiftħu mill-ġdid il-ħwienet u s-servizzi meqjusa mhux essenzjali, filwaqt li l-gruppi fil-pubbliku se jitilgħu għal 4. Magħluqin għalissa se jibqgħu l-barijiet u r-restoranti, filwaqt li l-isport organizzat se jibqa’ wieqaf ukoll.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-prijorità se tingħata lis-saħħa, l-edukazzjoni u l-anzjani.

Il-Gvern ħabbar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel u pjan ta’ kif se jiġu rilaxxati xi miżuri oħrajn fil-ġimgħat li ġejjin.

Mit-Tnejn li ġej se jiftħu ċ-childcare centres, il-kindergartens u l-iskejjel primarji. L-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla mbagħad jidħlu lura l-iskola l-istudenti tal-ewwel u t-tieni sena fil-livell sekondarju u mill-Ġimgħa jidħlu l-istudenti tal-Form 3 sal-Form 5. L-iskejjel se jiftħu bil-miżuri u protokolli tas-saħħa bi prevenzjoni għall-imxija tal-Covid.

L-istituzzjonijiet post-sekondarji se jibqgħu jħaddmu s-sistema tal-online.

Min-nhar it-Tnejn ukoll se jerġgħu jibdew isiru l-operazzjonijiet skedati fl-isptar Mater Dei u se jsir programm mal-privat biex jiġu rkuprati pazjenti li waqgħu lura minħabba li ma saritilhomx operazzjoni.

F’dawk id-djar tal-anzjani fejn 90 fil-mija tar-residenti tlaqqmu diġà bit-tieni doża, mit-Tnejn se jerġgħu jibdew isiru ż-żjarat mill-qraba. Mill-Ħadd 18 ta’ April se jerġa’ jibda jiġi ċċeelbrat il-quddiesa fil-knejjes.

Minn ġimgħa wara, nhar it-Tnejn 26 ta’ April, l-ammont ta’ nies fi gruppi fil-pubbliku se jerġa’ jitla’ għal erbgħa, u se jerġgħu jiftħu l-ħwienet mhux essenzjali, filwaqt li se jibdew jingħataw ukoll is-servizzi meqjusa mhux essenzjali.

L-ammont ta’ kemm jistgħu jiltaqgħu familji għand xulxin se jibqa’ ta’ tnejn. Din il-miżura mistennija tkun riveduta fis-26 ta’ April.

Il-ħwienet tax-xorb, każini u r-restoranti se jibqgħu magħluqin. L-attivitajiet sportivi lokali mhux se jitħallew isiru għalissa.

Il-bqija tal-miżuri kollha li hemm fis-seħħ bħalissa se jibqgħu fis-seħħ fosthom ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar lejn Għawdex, l-għeluq tal-gyms, il-pixxini, is-swali taċ-ċinema, it-teatri u l-mużewijiet.

Il-Gvern skeda l-1 ta’ Ġunju bħala l-ġurnata meta l-pajjiż għandu jerġa’ jiftaħ għat-turiżmu. Il-Gvern qed iħares ukoll lejn l-1 ta’ Ġunju bħala d-data meta se jkunu jistgħu jsiru t-tiġijiet, li jridu josservaw xorta waħda protokolli maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.