Storja
“Mill-kampnar rajt il-bomba li ġarrfet it-Teatru Rjal”

Santa Marija ntrabtet ukoll mal-konvoj li fit-Tieni Gwerra Dinjija wassal il-provvisti biex Malta setgħet tkompli tiġġieled u ma ċċedix. Ftit fadal li jiftakru l-gwerra u l-konvoj fosthom Doris Cannataci u Cecil Bartoli li rrakkontaw it-tifkiriet tagħhom tal-gwerra lil TVM.

Il-ħoss tas-sirena għadu jidwi f’moħħ Doris Cannataci li għadha tiftakar qisu lbieraħ l-ewwel moħba li ommha kienet tiġbor lilha u lil ħutha.

Doris Cannataci qalet “kien għadu kif imut il-papà. Kelli l-mamà. Kif kienet tieħu ħsiebna? Kienet tibża’ iżjed minna. Kienet tara li malli jdoqq l-air raid kulħadd ikun madwarha u nidħlu taħt il-mejda.”

Mill-banda l-oħra, Cecil Bartoli kien kemxejn imqarqaċ. Flimkien ma’ ħuh, kienu jiskartaw lil ommhom biex jitilgħu fil-kampnari tal-Knisja ta’ San Publju.

Cecil Bartoli qal “kellna żewġ qniepen daqsiex bħala steel helmets. Konna naraw kollox. Id-dive bombing. Kollox.”

Mill-kampnar, Cecil stqarr li ra ajruplan tal-gwerra jispara bomba. “Ġej mill-Ħamrun u xeħet il-bomba u għaddiet minn fuqna u splodiet il-Belt. Imbagħad sirna nafu li kienet l-Opera House. Madonna. Dik straġi.”

Doris tiftakar lil ommha titlob bil-qawwa lix-xbieha tad-Duluri. “Biex il-Madonna tħarisna għax anki fix-xelter kien hemm anke min miet fix-xelter.”

Il-Madonna ħelsitha minn ħalq il-mewt lil Cecil. “Bżajna. Darba għaddiet bomba. Niżżu ħajr lil Alla ma sploditx. Splodiet isfel fil-bankina.”

Omm Doris iddeċidiet li tmur Għawdex b’uliedha. Hemmhekk, l-attakki ma kinux spissi daqs Malta. Stqarret kif bi żbrixx ma tilfux il-vapur lejn Għawdex.

Doris Cannataci qalet “il-mamà kif kellha l-inkwatru tal-Madonna f’idejha, qaltilha Madonna jekk inti trid, il-vapur kapaċi jieqaf u f’salt wieħed, rajna li l-vapur kien waqaf, ġiet dgħajsa għalina u morna fuq il-vapur.”

Ħaffru xelter fil-Wied tal-Lunzjata f’Għawdex.

Doris Cannataci qalet “konna noqogħdu r-Rabat u konna noqogħdu 3 familji”.

Il-Maltin bdew ibatu l-ġuħ. Beda jiżdied il-mard bil-bosta.

Doris Cannataci qalet “sagrifiċċji konna ilna nagħmlu. X’kienu? Li dejjem inaqqsulna mir-rush-in. Dejjem kien ikollna inqas speċjalment mill-ħobż.”

Cecil Bartoli qal “anki nies kienu jfittxu fid-dustbins biex jaraw isibux x’jieklu msieken.”

Wara xhur jilagħbuha mal-mewt, daħal fil-Port il-Kbir il-Konvoj ta’ Santa Marija. Dan il-mument jibqa’ ttimbrat f’moħħ Cecil għal għomru.

Cecil Bartoli qal “is-swar kollha tal-Furjana, tal-Belt, tal-Isla, kollha nġabru jċapċpu. Dak ferħ. Dak ferħ. Is-salvazzjoni ta’ Malta kienet dik.”

F’kemm ili ngħidlek, l-aħbar waslet Għawdex fejn kienet qed tistkenn il-familja ta’ Doris. “Kollha niżlu hemmhekk bl-imkatar ixejru biex juru l-ferħ u l-apprezzament tagħhom u dawn l-imkatar bdew jużawhom biex jixxuttaw id-dmugħ ta’ biki ta’ ferħ għax dak kien li salva lil Malta.”

Huma jemmnu li kieku ma daħalx l-Ohio, Malta kienet iċċedi. Doris Cannataci qalet “kieku ma kienx hemm intervent divin, il-Konvoj ma kienx jidħol.”

Cecil Bartoli qal “l-Ohio kellu toqba kbira quddiem u mnalla daħal l-Ohio.”

Għal Doris, li għandha 87 sena, din l-esperjenza se tibqa’ magħha.

Doris Cannataci qalet “it-tbatija kabbritni ħafna. Għamlitni iktar indipendenti u anki biex tiffaċċja l-ħajja b’ċertu kuraġġ.”

Filwaqt li Cecil, ta’ 93 sena, għadu joħlom dwar din il-ġrajja.

Cecil Bartoli qal “jien napprezza l-ħajja u għadni avolja 93. Għadni nċekċek.”

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Sentenza sospiża għal Jordan Azzopardi wara li ammetta akkużi li rċieva apparat elettroniku misruq b’valur ta’ €32,000 bi tpartit mad-droga. Iż-żagħżugħ ta’ 30 sena madankollu għadu miżmum il-ħabs fuq proċeduri…

Kronaka

Inċident ieħor fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem bejn 4 karozzi u mutur. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-15:45 bejn karozza tat-tip Nissan misjuqa minn raġel ta’ 45 sena minn Għajnsielem u mutur misjuq…

Kronaka

Raġel Malti ta’ 45 sena mill-Ħamrun tilef ħajtu wara li ħa xokk elettriku illum waranofsinhar f’maħżen tal-Karnival fil-Marsa. Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ għall-ħabta tal-16:05 li seħħ f’xatt il-mollijiet. Fuq il-post…

Aktar