Lokali
Mill-Montenegro, l-Enemalta se tibda tiġġenera l-elettriku

Sal-aħħar tas-sena, il-proġett tal-enerġija li għandha l-Enemalta fil-Montenegro se jibda jopera u jiġġenera l-elettriku permezz ta’ turbini tar-riħ.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat żvela dan waqt li ħa sehem f’summit tal-Unjoni Ewropea dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, fosthom il-Montenegro, li qed jaspira li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-2025. Il-Prim Ministru qal li Malta taqbel ma’ relazzjoni eqreb bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iżda dawn għandhom jissieħbu fl-Unjoni meta jagħmlu r-riformi meħtieġa.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li għalkemm Malta tappoġġja l-aspirazzjonijiet tas-Serbja u l-Montenegro biex jissieħbu fil-blokk Ewropew, l-Istati Membri jridu jassiguraw li dawn il-pajjiżi jwettqu r-riformi meħtieġa f’diversi oqsma, qabel is-sħubija tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

Dr Muscat qal dan f’summit tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li ltaqa’ taħt il-Presidenza tal-Bulgarija fil-kapitali Bulgara, Sofia. Dawn il-pajjiżi li jinkludu wkoll il-Maċedonja, l-Albanija, il-Bożnija u Herzegovina u l-Kosovo kollha qed ifittxu relazzjonijiet eqreb mal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru qal li dawn il-pajjiżi m’għandhomx jissieħbu fl-Unjoni Ewropea qabel jagħmlu r-riformi meħtieġa iżda għandhom jingħataw sinjal biex ikun hemm negozjati magħhom.

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat qal ”huma importanti għall-Unjoni Ewropea speċjalment minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, influss ta’ immigrazzjoni, u minħabba li huwa reġjun li għamel ħafna snin instabbli u kien teatru ta’ ħafna gwerer, anki l-aktar gwerer riċenti li kellna fl-Ewropa.”

Il-Prim Ministru qal li sakemm dawn il-pajjiżi jagħmlu r-riformi, għandu jkun hemm koperazzjoni mill-qrib magħhom inkluż fis-suq tax-xogħol.

llum il-ġurnata qegħdin ukoll joffru ħaddiema biex jaħdmu f’pajjiżi Ewropej fosthom f’Malta. Aħna rridu naraw li huma wkoll lesti li jkabbru l-ekonomija tagħhom li n-nies jitħaddmu wkoll f’pajjiżhom.

Il-Prim Ministru semma li Malta diġà qed tikkopera mill-qrib mal-Montenegro. Ħabbar li minn hawn u seba’ xhur oħra, il-proġett tal-enerġija li l-Enemalta għandha fil-belt ta’ Mozura fil-Montenegro, se jibda jiġġenera l-elettriku minn 23 turbina tar-riħ. Dr Muscat qal li b’dan l-ewwel proġett internazzjonali tal-Enemalta, il-kumpanija se tkompli żżid il-profitti li bdiet tirreġistra fl-aħħar snin wara l-bidla politika li għamel il-Gvern fis-settur tal-enerġija.

Dr Muscat ħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin, il-Prim Ministru tal-Maċedonja se jżur Malta u se jiġu esplorati opportunitajiet ta’ aktar koperazzjoni, xogħol u investiment bejn iż-żewġ naħat.

Iż-żjara fil-Bulgarija tal-Prim Ministru ntemmet b’laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker. Huma tkellmu dwar in-negozjati dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal Budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea magħruf bħala fil-Qafas Finanzjarju Ewropew għal perjodu ta’ seba’ snin.

 

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Riċerka ppubblikata fl-aħħar jiem tixħet dawl dwar l-ewwel attentati għas-separazzjoni tal-poteri bejn Stat u Knisja f’Malta. Kien Nicolo’ Muscat – figura prominenti fl-amministrazzjoni tal-Ordni tal-Kavallieri – li f’nofs is-seklu 18…

Lokali

Ġimgħa wara d-delitt ta’ omm żagħżugħa f’Raħal Ġdid li allegatament inqatlet mis-sieħeb tagħha, bosta għaqdiet speċjalment tan-nisa komplew jitkellmu b’diversi stqarrijiet dwar dan il-femiċidju u l-problema tal-vjolenza domestika. Mill-banda l-oħra…

Annimali

L-Assoċjazzjoni Exotic Finch Malta qed tagħti opportunità oħra lill-pubblika japprezza l-ġmiel ta’ 500 għasfur li minkejja li l-oriġini tagħhom hija barranija tfaqqsu f’Malta wara ħafna studju u esperementazzjoni. Il-wirja li…

Lokali

Il-Malta National Electromobility Platform fi ħdan Transport Malta qed tikkordina diversi inizjattivi u attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Ewropea Tal-Mobbiltà. It-tema għal din is-sena hija “Multimodality – Mix and Move”. Din it-tema…

Aktar