Qorti
Mill-Qorti: Tajjar is-salvavita biex jonsob lil ommu u lil oħtu qabel qatilhom

Hekk kif illum bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ tal-qtil doppju f’Ħal Għaxaq, il-Pulizija tat dettalji ta’ kif żvolġa l-każ, b’mod partikolari tal-mod kif l-akkużat Joseph Bonnici qal li nasab lil ommu u lil oħtu biex joqtolhom.

L-Ispettur Keith Arnaud qal kif fit-30 ta’ Marzu, sbieħ is-Sibt għan-12.30am, ċempillu l-Ipettur John Spiteri u qallu li ċertu Joseph Bonnici, kien stqarr miegħu li kien għadu kemm qatel lil ommu u lil oħtu, li kienu ġew irrapportati nieqsa minnu stess tlett ijiem qabel. Kienet se tibda tfittxija fi-post fejn Bonnici kien qallu li difinhom.

Ftit wara telefonata wasal il-post f’Ħal Għaxaq u kien hemm il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo. L-Ispettur John Spiteri qallu li dwar ir-rapport ta’ persuni nieqsa kien beda jqum suspett li Bonnici kien qed jaħbi xi ħaġa.

Il-Pulizija skortaw lil Bonnici fl-uffiċċju tal-ispettur Arnaud, u ntqal li Bonnici rrifjuta li jkellem avukat waqt l-interrogazzjoni, li damet għaddejja sal-għada filgħodu u aktar tard waranofsinhar, fejn b’kollox itteħdulu tliet stqarrijiet.

Id-dar li fiha nqatlu Maria Lourdes u Angele Bonnici

Bejn l-ewwel u t-tieni stqarrija, ġie eskortat fir-residenza fejn joqgħod, u Bonnici qal lil Pulizija eżatt kif qatel lil ommu u lil oħtu, u dawn ġew iffilmjati mill-pulizija tal-forensika. Il-familja Bonnici kienu joqgħodu fi plots differenti li jmissu ma’ xulxin. Hemm bieb li jinfed imma jinfetaħ biss minn fejn kienet toqgħod ommu u oħtu.

Bonnici qal li d-data kienet 26 ta’ Marzu, kien jaf li t-tfajla tiegħu kienet se ddum ma tidħol id-dar, u l-għada kienet se tkun ix-xita u kien jippreferi hekk biex tgħinu jeħles mid-demm u l-evidenza. Intqal li d-delitt kien ilu ppreparat ġimgħat, u ħaffer ħofra minn qabel biex jidifinhom fiha.

Intqal li Bonnici kellu rabja fit-tul lejn ommu u oħtu, li wasslitu biex qatilhom. L-arma qal li ħadimha hu stess u żammha d-dar. Dakinhar, tajjar is-salvavita biex jaqta’ d-dawl. Niżlu ommu u oħtu u qalilhom li hemm il-ħsara. Fil-post fejn jinżammu l-annimali fil-ġardina kien ipprepara xkejjer biex jeħles mill-evidenza. Fuqu kellu l-arma.

Lil ommu qalilha tistenna fejn il-meter u lil oħtu qalilha tmur miegħu biex juriha fejn hemm il-ħsara. Oħtu mxiet quddiem bil-mobile u hu warajha, sparalha żewġ tiri minn naħa ta’ wara f’rasha. Kellu mazza preparata wkoll u kif kienet mal-art ta’ daqqa ta’ mazza f’rasha għax semgħaha tħarħar u ried ikun ċert li wettaq li ppjana. Għattiha bl-ixkejjer. Wara mar ħdejn ommu u ħadha fl-istess post fejn il-ġardina. Ma tagħhix ċans tara l-kadavru avolja kien mgħotti, u ta tir f’rasha u wkoll taha daqqa ta’ mazza.

Għamel basket tal-plastik ma’ rashom u rabathom b’tie clip biex ma joħroġx id-demm. Għabba kollox fil-bagoll u mar d-dar taparsi rieqed, għax it-tfajla kienet sejra lura d-dar. Meta tfajla daħlet u ħaseb li raqdet, reġa’ ħareġ mis-sodda u saq il-karozza lejn l-għalqa biex jidfen il-katavri fil-ħofra li kien ħaffer xi żmien qabel. Fil-ħofra l-ewwel tefa’ l-ommu, fuqha l-bint u fuq il-ġir. Bonnici qal li tefa’ l-ġir għax qal li jnaqqas ir-riħa li tista’ toħroġ. Wara mar id-dar u raqad.

L-għada l-Erbgħa 27 ta’ Marzu, xtara power wash, ħaraq l-affarijiet, inkluż il-mobile ta’ oħtu Angele, u xerred il-fdalijiet ‘l hemm u ‘l hawn. Il-mazza remiha x’imkien, iżda ma setax jiftakar fejn.

L-awtopsja kkonfermat li qal Bonnici: Angele kellha żewġ tiri fir-ras u nstabu ċ-ċomb u daqqiet konsiderevoli fil-wiċċ. L-omm kellha tir li daħal mil-lemin u ħareġ mix-xellug tar-ras, u l-bullet baqgħet ma nstabitx.

Il-katavri kienu lebsin il-piġama. Fuq katavru tal-omm moħbi f’ħobbitha kellha moħbija mal-€4,000.

L-imputat għandu fuq ismu armi tan-nar tal-kaċċa u dawn ittieħdu mingħandu. Mistoqsi għaliex ma użax senter tal-kaċċa, qal li dan jagħmel l-istorbju.

Is-Sibt filgħaxija xtaq ikellem lit-tfajla mil-lock up u kellimha.

Iċ-ċentru tal-iskart goff fejn instabet il-mazza

Qabel tressaq il-Qorti fil-31 ta’ Marzu, Bonnici ħa lill-Pulizija fiċ-ċentru tal-iskart goff tal-Wasteserv f’Ħal Far, fejn kien rema l-mazza. L-iskip li ndikalhom kien kbir u saret tfittxija. Instabet mazza li fuqha kien hemm ħjiel ta’ ħruq. Il-mazza tiżen 6.2 kilogrammi.

Fit-tieni stqarrija l-Pulizija staqsewh x’wasslu biex iwettaq dan id-delitt. Dwar oħtu qal li kienet qed tipprova tagħmel rapport li snin ilu abbuża minnha. Dwar ommu qal li din kienet tinstiga u tikonfoffa, u li lill-missieru hi wasslitu jagħmel dak li għamel.

Meta l-Pulizija staqsewh għalfejn qatt ma sar rapport, u qatt ma ġew mgħarrfa social workers, hu qalilhom “Hekk kont nismagħhom jgħidu u hekk kont nemmen.”

Fir-ritratt (fuq nett) jidher Joseph Bonnici flimkien ma’ oħtu Angele

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, u għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Marion Camilleri u Franco Debono.

Ara wkoll:

Il-Pulizija ntebħet li kellu l-faħam miblul mill-bikja tat-tfajla tiegħu

“Kont f’relazzjoni abbużiva u Joseph ġabarni minn xagħri” – l-għarusa tal-akkużat

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Fis-Siġġiewi, instabu 8 żoni fejn kien qed isir l-insib illegalment. Dan qalitu l-CABS fi stqarrija u saħqet li dawn ix-xbieki li jitpoġġew taħt l-ilma kienu qed jintużaw għall-insib tal-Pispisella, iċ-Ċewċewwa…

Ambjent

Wara li lbieraħ Infrastructure Malta qalgħet siġar mejta fit-Telgħa tas-Saqqajja biex tagħmel il-wisa’ għal siġar ġodda, illum beda x-xogħol ta’ tħawwil. Dalgħodu TVM żar il-post u seta’ josserva l-kumplament tat-tneħħija…

Pulizija

Għall-ewwel darba sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Korp tal-pulizija ser ikollu flotta ta’ vetturi ġodda fid-distretti. Il-Korp, illum inawgura ħamsin vettura ġdida u sitt segways li se jintużaw l-aktar fiż-żoni pedonali…

Aktar