Immigrazzjoni
Milqugħa t-talba ta’ Malta dwar għajnuna umanitarja mill-Unjoni Ewropea lil-Libja

Fil-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea ntlaħaq qbil dwar pakkett t’għajnuna umanitarja lil-Libja. Dan wara l-inizjattiva ta’ Malta biex din it-talba titla’ fuq l-aġenda tal-istess Kunsill.

Fi stqarrija maħriġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin intqal li matul il-laqgħa, il-Kummissarju Ewropew għall-Politika tal-Viċinat u t-Tkabbir, Oliver Varhelyi,
spjega li l-għajnuna umanitarja se tikkonsisti f’fondi li ġew minn sorsi finanzjarji eżistenti tal-Unjoni Ewropea u tqassmu biex jgħinu lil-Libja fis-sitwazzjoni difficli li tinsab fiha. Dawn il-fondi se jingħataw lill-entitajiet internazzjonali li diġà qed jaħdmu fil-Libja u li huma fl-aqwa pożizzjoni biex jaraw kif u fejn meħtieġ u jaslu għand min ghandu bżonnhom.

Intqal li l-Kummissarju Varhelyi semma’ wkoll pakkett ta’ €35 miljun lill-Gwardja tal-Kosta Libjana biex taqdi dmirha fl-infurzar tal-ligi fil-bahar Libjan.

Il-ġimgħa li għaddiet, Malta talbet lill-Unjoni Ewropea tgħin lil-Libja b’pakkett umanitarju skont ilproposta tal-Ġnus Magħquda dwar ir-Rispons Umanitarju għal-Libja. Skont il-Ġnus Magħquda, 900,000 ruħ għandhom bżonn l-għajnuna umanitarja, nofshom nisa u tfal u terz minnhom immigrant u refuġjati.

Waqt li laqa’ dan il-qbil bħala pass ’il quddiem, il-Ministru Evarist Bartolo fisser kif għad baqa’ ħafna xogħol diffiċli xi jsir biex il-Libja terġa’ tiġi f’tagħha u tagħti ħajja ġdida lil dawk li jgħixu fiha. Huwa żied li għalhekk, Malta se tibqa’ taħdem favur soluzzjoni politika permanenti biex il-Libja tassew tqum fuq saqajha fil-paċi u toffri futur liċ-ċittadini tagħha u lil dawk li jgħixu fiha.

Il-Ministru Bartolo qal li l-krizi umanitarja fil-Libja ssir kriżi ta’ sigurtà għall-Unjoni Ewropea għax il-ġlied, l-imxija Covid-19 u l-effetti sċcjali u ekonomiċi tagħha se jżidu r-raġunijiet għaliex iżjed refuġjati u immigrant jistgħu jiġu sfruttati mit-traffikanti tal-bnedmin u jibgħatuhom f’immigrazzjoni rregulari lejn l-Ewropa. Il-Ministru Bartolo semma l-bżonn tas-solidarjetà mill-membri tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-immigrazzjoni biex Malta ma tibqax waħedha terfa’ iżjed milli tiflaħ.

https://www.facebook.com/MaltaGov/videos/245706190131856/?vh=e&d=n