Barranin
Min għandu l-aktar ġelat għali fl-Ewropa?

F’din is-sħana wieħed ikollu bżonn jiffriska xi ftit u bla dubju l-aptit ta’ xarba kiesħa u ġelat ma jonqosx.

Ħarsa lejn l-istatistika tal-Eurostat, fl-2020, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea pproduċew ‘il fuq minn 2.9 biljun litru ta’ ġelat. Madanakollu, dan ifisser li kien hemm tnaqqis ta’ 9% fuq is-sena ta’ qabel.

Is-sena l-oħra pajjiżi tal-Unjoni Ewropa esportaw mal-232 miljun kilogramma ta’ ġelat lill-pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea. Dan l-ammont ta’ ġelat iġib valur ta’ €752 miljun.

It-2.9 biljun litru ta’ ġelat li produċew pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma kinux biżżejjed. Dan hekk kif, is-sena l-oħra ġew importati mad-79 miljun kilogramma ta’ ġelati minn pajjiżi mhux fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan b’valur ta’ €182 miljun.

Filwaqt li l-importazzjoni naqset b’4% meta mqabbel mal-2019, l-esportazzjoni żdiedet b’5%.

Il-Ġermanja kienet l-aktar pajjiż li pproduċa ġelat is-sena l-oħra. Matul l-2019, il-Ġermanja pproduċiet mas-642 miljun litru ta’ ġelat. Issegwi l-Ġermanja, Franza b’516-il miljun litru u l-Italja b’509 miljun litru.

Il-Ġermanja pproduċiet ukoll l-orħos ġelat b’€1.3 għal kull litru. Filwaqt li Franza kellha l-ogħla ġelat b’€2.2 kull litru. Il-prezz medju tal-ġelat fl-Italja kien ta’ €2 għal kull litru.

Is-sena l-oħra Franza esportat mal-59 miljun kilogramma ta’ ġelat. Issegwi Franza, l-Olanda b’38 miljun kilogramma ta’ ġelat u l-Ġermanja b’29 miljun kilogramma.