Lokali
Min għandu l-e-ID f’Malta jista’ jaċċessa servizzi virtwali f’pajjiżi oħra Ewropej

Kull min għandu l-e-ID Maltija jista’ jaċċessa servizzi pprovduti online f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod ċittadini oħra Ewropej ukoll se jkollhom aċċess għal servizzi pprovduti f’Malta.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat li ddeskriva dan bħala benefiċċju għan-negozji, għaċ-ċittadini u għas-servizzi tal-gvern għax jippromwovu l-fiduċja u l-konvenjenza fit-twettiq ta’ tranżazzjonijiet online.

Iċ-ċittadini Maltin se jkollhom aċċess għal servizzi virtwali madwar l-Ewropa permezz tal-e-ID. Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta, Anton Sevasta qal dan wara li s-sistema tal-e-ID Maltija, amministrata mill-Aġenzija Identity Malta, kisbet l-ogħla ċertifikat ta’ sigurtà fuq livell lokali u Ewropew. Qal li s-sistema Maltija tinsab fil-proċess li tiġi rikonoxxuta b’mod uffiċjali mill-eIDAS – regolamentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiffaċilità tranżazzjonijiet siguri bejn pajjiż u ieħor.

B’hekk kull min għandu l-e-ID f’Malta se jkun jista’ jaċċessa għadd ta’ servizzi virtwali f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea bħal fost oħrajn servizzi relatati ma’ taxxa, applikazzjonijiet għal universitajiet barranin u servizzi fil-qasam tas-saħħa. S’issa mal-14-il pajjiż Ewropew – fosthom l-Italja, il-Belġju, u l-Lussemburgu jinsabu fuq din il-pjattaforma.

Is-Sur Sevasta spjega kif is-sistema tal-e-ID għaddiet minn assessjar rigoruż li sar minn speċjalisti Ewropej u li ffoka fuq is-sigurtà u l-awtentiċità tal-informazzjoni bejn il-fruntieri. Qal li issa għall-ewwel darba, Identity Malta se tkun qed tassessja pajjiżi oħra li jistgħu jikkwalifikaw dwar is-sigurtà . L-ewwel assessjar se jsir fuq l-iskema tal-Awstrija.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat saħaq fuq is-sigurtà ta’ din is-sistema. Huwa ddeskriva dan bħala pass importanti fit-tnaqqis tal-burokrazija kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Qal li meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn li ħafna minnhom ma jinsabux fuq din is-sistema, Malta tinsab fuq quddiem nett fil-ġirja diġitali.

Is-Segretarju Parlamentari Muscat qal li għaddej xogħol ieħor dwar proġett pilota fir-riċerki biex ir-reġistru pubbliku jibda jipprovdi r-riċerki online flok jiġu stampati. Semma wkoll diskussjoni mal-Uffiċċju Notarili biex b’emendi legali jibdew jiġu aċċettati firem elettroniċi ta’ uffiċjali pubbliċi bħalma huma n-nutara.