COVID-19
Min hu l-iktar f’riskju li jbati fit-tul bl-effetti tal-Covid-19?

Studju minn King’s College London ittanta jagħmel stima ta’ kemm in-nies qed idumu jbatu bl-effetti tal-Covid-19, u min huwa l-iktar f’riskju li jdum ikarkar.

L-istudju sab li minbarra l-età avvanzata, tliet fatturi oħra li jżidu r-riskju ta’ Covid fit-tul huma: jekk int mara, jekk għandek piż żejjed, jew jekk tbati bl-asthma. Ir-riżultati tal-istudju huma bbażati fuq is-sintomi li n-nies issottomettew permezz tal-Covid Symptom Study app.

Din l-app tat indikazzjoni wkoll ta’ liema huma l-pazjenti li se jdumu jbatu bil-Covid-19 abbażi tas-sintomi li jħossu fil-bidu. Jekk fl-ewwel ġimgħa wieħed iħoss iktar minn ħames sintomi f’daqqa, fosthom li jitlef is-sens tax-xamm u t-togħma, ikollu s-sogħla, iħossu għajjien, tuġgħu rasu, u jkollu d-diahorrea, il-probabbiltà hi li se jdum iktar ibati bl-effetti tal-Covid-19.

Kien iċċarat li filwaqt li bil-Covid-19 l-irġiel jidhru li huma iktar f’riskju li jimirdu b’mod gravi u jitlifu ħajjithom, in-nisa huma iktar f’riskju li jibqgħu jbatu mill-Covid fit-tul.

Ħareġ ukoll li l-uniku kundizzjonijiet mediċi li ġew marbuta ma’ Covid fit-tul huma l-asthma u l-mard tal-pulmun.

L-istudju jistma li 1 minn kull 4 persuni jkun marid għall mill-inqas 4 ġimgħat, 1 minn 20 persuna jkun marid għal mill-inqas 8 ġimgħat, u 1 minn kull 45 persuna jkun marid għal mill-inqas 12-il ġimgħa.