Lokali

Min huma l-aktar MEPs Maltin influwenti?

L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli hija l-aktar MEP influwenti Maltija u l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa huma t-tieni u t-tielet l-aktar MEPs influwenti f’Malta rispettivament.

Dan ħareġ mill-istħarriġ Influence Assessment 2017, li għamlet VoteWatch Europe, organizzazzjoni indipendeti, mwaqqfa fl-2009, bil-għan li tippromwovi d-dibattiti u trasparenza fid-deċiżjoni li tieħu l-Unjoni Ewropea.

Minn dan l-istħarriġ, li jgħarbel ħidmet l-MEPs b’mod individwali joħroġ li l-MEPs tal-Belġju u tal-Fillandja huma l-aktar influwenti. Madankollu jidher li l-MEPs Maltin, Rumeni u Ġermaniżi qed itejbu u jsaħħu l-influwenza tagħhom fil-leġislazzjonijiet.

Intant, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ntgħażlet biex tkun parti mill-kumitat speċjali ġdid kontra t-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kumitat, li ġie approvat waqt sessjoni plenarja nhar it-Tlieta li għadda għandu 30 membru, li flimkien se jistudjaw it-theddid tat-terroriżmu f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

B’mandat ta’ sena, l-għan tal-Kumitat huwa li jipproponi kif jistgħu jiġu eliminati n-nuqqasijiet u d-dgħufijiet fil-miżuri attwali Ewropej kontra t-terroriżmu.

Fi stqarrija, Dr Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li taġixxi aktar malajr u b’aktar saħħa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.