Kronaka
Min huma t-tliet suspettati li x’aktarx fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia?

Wara li lbieraħ il-Pulizija arrestaw tliet irġiel fil-Baħrija u fis-Swieqi, huwa mifhum li bħalissa l-aħwa Adrian u Robert Agius, flimkien ma’ Jamie Vella huma taħt suspett mill-Pulizija u qed jiġu interrogati fid-Depot, il-Floriana.

Fi stqarrija lbieraħ, il-Pulizija qalu li t-tliet irġiel arrestati qed jgħinu fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil tal-avukat Chircop, filwaqt li tnejn minnhom huma implikati wkoll fil-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia, b’TVM huwa infurmat li aktarx kienu huma li fornew il-bomba allegatament użata minn Muscat u l-aħwa George u Alfred Degiorgio fid-delitt tal-ġurnalista.

F’dan is-servizz, TVM se jagħti ħarsa lejn min huma dawn it-tliet suspettati, li minn ħin għall-ieħor, jista’ jkun li jitressqu l-Qorti biex jiffaċċjaw diversi akkużi b’rabta maż-żewġ delitti.

L-ismijiet tal-aħwa Adrian u Robert Agius magħrufa bħala Tal-Maksar, u ta’ Jamie Vella diġà kienu fil-file tal-Pulizija fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Xahrejn wara d-delitt, huma kienu fost 10 persuni li ġew arrestati f’daqqa minn bnadi differenti iżda inħelsu mill-arrest.

Huma ġew arrestati mill-ġdid il-bieraħ waranofsinhar. Tnejn minnhom qed jiġu investigati dwar id-delitt tal-ġurnalista Caruana Galiza waqt li t-tlieta li huma qed jgħinu fi stħarriġ dwar delitt li seħħ f’Ottubru 2015 – il-qtil b’erba’ tiri ta’ arma tan-nar tal-Avukat Carmel Chircop f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara.

Wieħed mill-aħwa, Adrian Agius, issemma fis-saga tal-More Supermarkets. Kien irrappurtat li fost oħrajn għamel propjetà tiegħu bħala garanzija għal self ta’ tliet kwarti ta’ miljun Ewro li l-avukat Carmel Chircop kien ta lil Ryan Schembri fl-2014 għal din il-katina ta’ supermarkets. Agius kien direttur ukoll f’kumpanija oħra relatata ma’ Schembri – Interaa Holdings. F’Settembru tal-istess sena, Schembri ħarab minn Malta, u sena wara l-avukat Chircop inqatel.

Ħu Adrian, Robert, kien tressaq il-qorti fuq traffikar ta’ droga fl-2012, iżda l-każ waqa’ minħabba li l-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni ma pprovdietx biżżejjed provi li juru li wettaq dak ir-reat.

Missier l-aħwa nqatel f’delitt li għadu mhux solvut. Fl-24 ta’ April 2008, Raymond Agius, kien vittma ta’ tiri ta’ arma tan-nar waqt li kien f’ħanut tax-xorb f’Birkirkara. Hu miet fil-post.

Intant, Vince Muscat beda jiskonta s-sentenza ta’ 15-il ħabs wara li biddel il-verżjoni u issa ammetta li kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kważi seba’ snin ilu, Vince Muscat kien ħelisha mill-mewt meta safa’ fil-mira ta’ attentat fuq ħajtu. Fid-9 t’April 2014, indarab bi tliet tiri f’rasu kif ħareġ mid-dar fi Triq Bordin fl-Imsida. F’dik il-qagħda kien irnexxielu jsuq lejn l-Ghassa tal-Imsida.

Vince Muscat kien implikat fil-holdup tas-sajf 2010 mill-kwartieri ġenerali tal-HSBC f’Ħal Qormi. Hu kien tressaq il-qorti fejn iffaċċja sittax-il kap ta’ akkuża fosthom li spara diversi tiri fil-konfront ta Kuntistabbli tal-Pulizija, ikkommetta serq ta’ arma tan-nar minn fuq kuntistabbli iehor, kif ukoll kien akkuzat bis-serq ta’ żewġ karozzi li ntużaw fil-hold up. Il-każ għadu pendenti.