Saħħa
Min ifiq mill-marda sesswali tas-sifilide jista’ jerġa’ jlaqqatha

L-imġiba sesswali laxka qed twassal għat-tixrid ta’ aktar mard trassmess sesswalment fosthom is-sifilide. Din il-batterja nfirxet b’rata mgħaġġla f’Malta fl-aħħar snin, tant li Malta kklassifikat bit-tieni l-ogħla rata tal-marda fl-Ewropa u l-każi rappurtati aktar milli rduppjaw f’seba’ snin.

Is-sena li għaddiet, f’Malta ġew irrappurtati 83 każ ta’ sifilide – marda trasmessa sesswalment – li laqtet l-aktar persuni li għandhom bejn it-tletin u d-disgħa u tletin sena.

Skont l-aġenzija Ewropea għall-prevenzjoni u kontroll tal-mard, l-ECDC, l-Ewropa qed tesperjenza żieda sostanzjali tal-marda, bl-Iżlanda tikklassifika fl-ogħla post segwita minn Malta. Fl-2017, kien hemm 62 peruna infettati b’din il-batterja u fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kienu rrappurtati kważi erbgħin każ (39).

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat li s-sifilide taffettwa l-aktar lil persuni li jkollhom kuntatti sesswali ma’ aktar minn persuna waħda u ħafna drabi mingħajr protezzjoni. Wara li jidhru sintomi tal-marda, is-sifilide tiġi konfermata b’test tad-demm.

“Għandek diversi fażijiet. L-ewwel waħda hija l-fażi primarja fejn inti jibdew b’dawn is-sores fuq il-partijiet ġenitali, it-tieni parti hija fejn inti joħroġlek ir-raxx fuq il-pali tal-idejn u anke fuq is-saqajn u tista’ tinfirex mal-kumplament tal-ġisem. Imbagħad għandek fażi fejn proprju tkun rieqda, fejn hemmhekk ma jkunx hemm iktar sintomi però wara numru ta’ snin jekk din ma tiġix trattata tista’ tgħaddi għal dak il-fażi terzjarja fejn hemmhekk dan il-mikrobu jattakka l-ġisem kollu speċjalment il-qalb, il-moħħ u n-nervituri u hemmhekk jista’ jkollok kumplikazzjonijiet gravi li jistgħu jwasslu wkoll għall-mewt.”

Il-Professur Gauci spjegat li ż-żieda fil-każi ta’ mard trasmess mis-sess bħalma hi s-sifilide tirrifleti l-imġiba seswali laxka ta’ nies li lanqas jużaw l-kontraċettivi.

“Meta inti tuża l-condom tkun qed tevita ħafna mill-mard infettiv. Qegħdin naraw ukoll sitwazzjonijiet fejn qed ikun hemm ukoll dawk li ngħidulhom group sex jew inkella camp sex li huma sitwazzjonijiet fejn inti ħa jkollok riskju kbir fejn persuna ħa jkollhom kuntatt ma’ iktar minn persuna waħda allura r-riskju hu ħafna iktar.”

Qalet li kemm Maltin kif ukoll barranin ġew infettati bis-sifilide, li tiġi kkurata bl-antibijotiċi. Il-Professur Gauci għamlitha ċara li persuna li tfieq mis-sifilide tista’ terġa’ tiġi infettata bil-batterja.

“Flimkien mal-persuna li jkun infettat, naraw min huma dawk li għandhom kuntatt magħhom biex aħna naraw kif nistgħu nersqu lejn dawn in-nies noffrulhom it-test u noffrulhom ukoll it-trattament b’hekk aħna nkunu nistgħu din il-marda naqbduha fil-bidu ħafna.”

Il-Professur Gauci qalet li għaddejja ħidma biex il-politika dwar is-saħħa sesswali li saret fl-2011 tiġi aġġornata biex tirrifletti aħjar l-imġiba sesswali tan-nies illum.

Ara wkoll:

Malta bit-tieni l-ogħla rata fl-Ewropa tal-marda sesswali s-Sifilide

Aħbarijiet Oħra
Relazzjonijiet Industrijali

Il-Qorti laqgħet mandat t’inibizzjoni li ntalab minn Steward Health Care Malta bil-għan li jevita azzjoni industrijali mill-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN). Il-kwistjoni tirrigwarda infermiera barranin li ġew impjegati fl-Isptar Ġenerali…

Xjenza

Min jirnexxielu jqum fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu jista’ jitpaxxa b’xena mhux tas-soltu fis-smewwiet. Il-kometa C/2020 F3 Neowise bħalissa qed tidher ċara jekk wieħed iħares lejn ix-xefaq fil-lvant ta’ Malta. L-astrofiżiku…

Kronaka

Mara Franċiża ta’ 63 sena li tgħix Ta’ Xbiex weġġgħet gravi wara li ġiet milquta minn vettura fil-Gżira lbieraħ. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq ix-Xatt għall-ħabta tas-12.45 ta’ wara…

Kronaka

Xufier ta’ trakk għal xi ħin spiċċa maqbud ġol-vettura wara li nqaleb biha dalgħodu. L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.00am fil-Magħtab, meta x-xufier kien qed isuq trakk tal-għamla Suzuki Iveco. TVM infurmat…

Aktar