COVID-19
AĠĠORNAT: Iwissi biex ħadd ma jitlob swab test bla bżonn

Dr Charles Mallia Azzopardi, Kap tat-Taqsima tal-Mard Infettiv (IDU) appella biex in-nies tagħmel swab test kull meta jkun hemm bżonn, imma mhux għal xejn b’xejn, għax il-laboratorju jinsab taħt pressjoni, b’ħaddiema li ilhom sena għaddejjin lejl u nhar.

Dwar it-tilqima, Dr Mallia Azzopardi qal li l-ewwel studji li saru s’issa wrew li min ikun imlaqqam u jiġi fuqu l-virus tal-Covid-19, xorta jista’ jgħaddih lil ħaddieħor, anki jekk il-possibiltà hija inqas. Sostna li għalhekk huwa mportanti li nibqgħu nkunu dixxiplinati.

Meta kien qed jiġi intervistat fil-programm TVAM, Dr Mallia Azzopardi spjega li l-vaċċin jgħin biex in-nies ma jimirdux ħafna meta jiġu f’kuntatt mal-virus. L-istudji juru li l-ammont ta’ nies imlaqqma li jimirdu bil-virus huwa inqas min 5%.

Qal li għalkemm in-numri tal-infezzjonijiet qed jiżdiedu, illum hemm ukoll aspetti li minn sena ilu ‘l hawn huma aħjar, fosthom li m’għadx hemm nuqqas ta’ tagħmir protettiv (PPEs), kif ukoll il-fatt li iktar minn 85% ta’ dawk minn 80 sena ‘l fuq ġew imlaqqma. Żied li l-mortalità mhux qed tiżdied.

Dwar l-effetti laterali tal-vaċċin, Dr Mallia Azzopardi ċaħad li qed ikun hemm xi effetti iktar qawwijin minn tilqim differenti, u dawk li jesperjenzaw reazzjonijiet serji huma ftit. L-effetti komuni huma uġigħ fl-idejn u deni, li qed ikunu esperjenzati bil-vaċċini kollha.

Ara hawn l-intervista sħiħa ma’ Dr Mallia Azzopardi:

Ara wkoll:

7 fatti li nafu s’issa dwar it-tilqima għall-Covid-19