Lokali
Min jagħmel Masters jew Dottorat mhux se jħallas income tax sa sentejn wara li jispiċċa l-kors

Tħabbar inċentiv ta’ ħelsien tat-taxxa tad-dħul għal persuni li jagħmlu korsijiet biex jiksbu kwalifika f’livell ta’ Masters jew Dottorat. Waqt li ħabbru din l-inizjattiva li kienet wegħda elettorali u l-miżuri fil-budget ta’ din is-sena, il-Ministri Evarist Bartolo u Edward Scicluna saħqu li din qed issir biex il-pajjiż ikompli jinvesti u jtejjeb il-kapital uman meħtieġ biex l-ekonomija tkompli tikber.

Il-Gvern ħabbar li persuni ta’ inqas minn 40 sena li jiksbu kwalifika fil-livell ta’ Masters jew Dottorat, jistgħu jiffrankaw milli jħallsu t-taxxa għal sena jew sentejn.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo spjega li min jikseb masters jew kwalifika ekwivalenti fil-livell MQF 7 jiffranka l-ħlas tal-income tax għal sena. Persuni li jiksbu dottorat jew kwalifika ekwivalenti fil-livell MQF 8 jiffrankaw sentejn taxxa fuq id-dħul tiegħu. Spjega li l-eżenzjoni ta’ taxxa tingħata fuq dħul sa massimu ta’ €60,000.

Il-Ministru Bartolo qal li l-istudenti li bdew jagħmlu masters jew dottorat fis-snin ta’ qabel iżda li għadhom ma lestewhiex – jikkwalifikaw għal kreditu ta’ taxxa pro rata. Huwa qal li din l-inizjattiva se toffri ċans lill-persuni li jiddeċiedu li jkomplu bl-istudju tagħhom u li ma bbenefikawx minn boroż ta studju oħra.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li din il-miżura, li kienet wegħda elettorali u tħabbret fl-aħħar baġit, ċert tiswa lill-Gvern mas-€7 miljun.

Il-Professur Scicluna qal li studju li sar wera li sal-2022 fl-ekonomija Maltija ser ikunu meħtieġa 13,500 ħaddiem f’karigi ta’ managers u professjonali.

“Għandna bżonn iktar xjentisti, nies professjonali. Dan huwa investiment fil-pajjiż. Biex il-pajjiż javvanza b’mod awtonomu jrid ikollok dak il-livell għoli” qal il-Ministru Scicluna.

Il-Ministru Scicluna spjega li benfiċċju sħiħ ser jingħata lil min jagħmel il-kors full time waqt li dawk li jistudjaw fuq bażi part time jikkwalifika għal nofs l-eżenzjoni mit-taxxa tad-dħul.

Aħbarijiet Oħra
Turiżmu

Jekk kont qed issiefer u tagħżel li toqgħod f’Airbnb hemm ċans li se tara bosta tibdiliet dalwaqt.  Dan għax qed jinkisru bosta regoli Ewropej tal-konsumatur tant li l-Kummissjoni Ewropea talbet…

NGOs

Il-LifeCycle (Malta) Foundation qed tappoġġa b’mod finanzjarju soluzzjoni sofistikata ta’ software installata fit-Taqsima tal-Kliewi fl-Isptar Mater Dei. Imsejħa Traccia, is-software jgħin biex “iqabbel” u jiddetermina bi preċiżjoni għolja l-kompatibiltà tal-organu…

Kronaka

Raġel ta’ 41 sena tilef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà meta kien qed jgħum fil-bajja ta’ Kemmuna. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1.00 ta’ waranofsinhar fil-Blue Lagoon. TVM infurmat li r-raġel,…

Aktar