Lokali
Il-Gvern jgħid li min jinqabad bla maskra mhux se jeħel pieni

Il-Gvern ikkjarifika li fil-każ tan-nuqqas tal-użu tal-maskri mhux se jkun qed jattiva l-liġi dwar is-saħħa pubblika li tipprovdi għal multi li min jinqabad jikser il-liġi jista’ jeħel multa sa €4,658 jew sa sentejn ħabs.

Il-Gvern qal dan b’referenza għall-istorja mxandra fuq tvm.com.mt bit-titlu Għal min jinqabad bla maskra hemm multa sa €4,650 jew sentejn ħabs.

Qal li l-għan tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika huwa wieħed ta’ edukazzjoni u li bl-istess mod kif il-poplu kien dixxiplinat u responsabbli għal miżura ta’ persuni vulnerrabli li jibqgħu f’darhom għajr għal każijiet ta’ bżonnijiet essenzjali, hekk ukoll se taħdem din il-miżura biex in-nies jilbsu maskra protettiva meta jmorru fl-istabbilimenti, meta jużaw it-trasport pubbliku u meta jitilgħu fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.

Stqarr li fl-ewwel jum li daħal dan l-obbligu, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tinnota b’sodisfazzjon li ħafna persuni kkoperaw bis-sħiħ u libsu dawn il-maskli.

Spjega li din il-miżura tagħmilha ċara li l-ħwienet m’għandhomx idaħħlu konsumaturi li ma jkunux lebsin maskra, bl-istess mod kif il-ħwienet huma mitluba jikkoperaw fil-ħarsien ta’ miżuri oħra fosthom fuq in-numru massimu ta’ konsumaturi li jistgħu jidħlu fil-ħanut fl-istess ħin.

Qal li f’każ ta’ ksur persistenti, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għandha d-dritt li tikkunsidra d-dħul ta’ twissijiet u eventwalment infurzar raġjonevoli. Stqarr li ma teżisti l-ebda intenzjoni li jitressqu kwereli kriminali biex nies jispiċċaw b’multi esaġerati jew jintbagħtu l-ħabs. Tenna li l-unika ħsieb huwa li jittieħdu l-passi neċessarji skont il-linji gwida biex titħares is-saħħa pubblika.

Temm jgħid li s-sens komun u l-maturità għandhom jibqgħu l-fattur determinati biex pajjiżna jkompli jagħmel suċċess fil-kontroll tal-imxija u fil-ġlieda kontra l-pandemija.