COVID-19
Min-nhar il-Ħamis il-bars u l-każini għandhom jibqgħu magħluqin għal xahar fost miżuri oħra

Min-nhar il-Ħamis disgħa u għoxrin (29) ta’ Ottubru, il-bars u l-każini kollha għandhom jibqgħu magħluqin.

Dan ħabbarha l-Ministeru għas-Saħħa fost aktar restrizzjonijiet u miżuri fid-dawl tal-pandemija.

Din l-miżura tibqa’ tgħodd sal-ewwel (1) ta’ Diċembru 2020 sal-ħin tas-6 am. Dan filwaqt li l-isnack bars u l-gabbani jistgħu jibqgħu miftuħin, madanakollu ma jistgħux, fl-ebda istanza, jipprovdu, joffru jew ibigħu kwalunkwe tip ta’ xorb alkoħoliku lill-klijenti u għandhom jagħlqu bejn il-11pm u l-5am tal-għada filgħodu.

Min-nhar il-Ħamis ukoll, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi grupp fi spażji pubbliċi se jonqos minn 10 persuni għal 6 persuni. Dan ifisser li fi spażji pubbliċi, gruppi ta’ aktar minn 6 persuni huma projbiti inklużi fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom.

Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza. Il-multa ghal min ma josservax din il-mizura ser tiżdied għal mitejn Ewro (€200), iżda jekk il-penali tiġi mħallsa qabel ma jibdew il-proċeduri quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja, il-multa titnaqqas għal mitt euro (€100). Dawn il-miżuri qed jidħlu fis-seħħ wara konsultazzjoni mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika sabiex tkun limitata iżjed l-imxija ta’ COVID-19.