Saħħa
Min-nhar it-Tnejn se tibda tingħata t-tilqima tal-influwenza

Ħamest ijiem oħra se tibda tingħata t-tilqima kontra l-influwenza staġjonali. L-awtoritajiet tas-saħħa spjegaw li minħabba li din it-tilqima hi kompletament differenti minn tal-booster kontra l-Covid-19, dawk li qed jieħdu l-booster m’għandhomx għaliex iħallu żmien jgħaddi biex jieħdu t-tilqima kontra l-influwenza. Kulħadd hu mħeġġeġ jieħu t-tilqima tal-influwenza, iżda fl-ewwel tliet ġimgħat se tingħata lil kategoriji partikulari fis-soċjeta’ fosthom lil tfal. Dawk bejn is-sentejn u t-tnax-il sena, minflok tilqima se jingħataw spray.

Mill-ġimgħa d-dieħla, għall-ewwel darba l-pajjiż ser ikun għaddej minn żewġ kampanji ta’ tilqim fl-istess żmien. Mal-booster għall-COVID-19, mit-Tnejn li ġej se tibda tingħata t-tilqima kontra l-influwenza.

Fl-ewwel tliet ġimgħat, huma msejħa biex jieħdu t-tilqima tal-influwenza l-adulti minn 55 sena ‘l fuq; persuni li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tas-saħħa; u persuni b’mard kroniku bħalma hu l-mard tal-qalb, fwied, kliewi, mard newroloġiku, kif ukoll tal-asthma, dijabete u dawk b’immunità baxxa. Dawn se jkunu jistgħu jitlaqqmu mit-Tnejn sal-Ġimgħa miċ-ċentri tas-saħħa kollha f’Malta u miċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat Għawdex. F’dan il-perjodu ta’ tliet ġimgħat, fi tmiem il-ġimgħa t-tilqima tal-influwenza se tingħata lit-tfal bejn is-6 xhur u l-12-il sena. Għat-tfal, it-tilqim se jingħata miċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta, Raħal Ġdid, il-Furjana u Kerċem, Għawdex.

It-tfal bejn is-6 xhur u s-sentejn se jingħataw tilqima, waqt li għal darb’oħra tfal li għalqu s-sentejn sat-tnax-il sena jingħataw spray f’imneħirhom.

F’intervista ma’ TVM, Dr Lorraine Tabone, tabiba fil-kura primarja, spjegat li t-tilqima kontra l-influwenza se tingħata fl-istess waqt li għaddejja l-kampanja tal-għoti tal-booster kontra l-Covid-19. Madankollu enfasizzat li dawn huma żewġ tilqim totalment differenti u għalhekk wieħed jista’ jeħodhom fl-istess ħin.

“Dment li l-vaċċin tal-Covid ikun booster, jiġifieri ma tkunx l-ewwel doża, m’hemmx għalfejn inħallu perjodu partikolari bejn vaċċin u ieħor…. It-tilqima tal-influwenza tilqa’ kontra l-influwenza, virus li xi kultant jista’ jkollok konsegwenzi serji, inkluż ġieli n-nies jispiċċaw l-isptar biha u tista’ tkun anke fatali għal min hu vulnerabbli ħafna… Minnha nnifisha bħala virus għandu konsegwenzi tiegħu mhijiex biss li għandhom jeħduha għax għandna l-virus tal-COVID ukoll.”

Wara li jgħaddu l-ewwel tliet ġimgħat, kulħadd hu msejjaħ jieħu t-tilqima tal-influwenza li għaliha mhux meħtieġ appuntament. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne appella lill-pubbliku biex isegwi l-avviżi tal-awtoritajiet tas-saħħa dwar il-postijiet għall-għoti tat-tilqim biex kollox jimxi bl-ordni.