Lokali
Min qed japplika għall-housing soċjali?

L-akkomodazzjoni soċjali hija waħda minn bosta sfidi li qed jiffaċċjaw mal-2,000 persuna li qed jistennew biex jingħataw post mill-Awtorità tad-Djar. Dan joħroġ mill-ewwel studju li qatt sar f’Malta li jagħti stampa iktar ċara tal-profil ta’ dawk li jinsabu fil-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali, li l-parti l-kbira tagħhom huma ġenituri nisa li ma jaħdmux.

Tnejn minn kull tliet applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali huma ġenituri waħidhom. L-iktar nisa li l-maġġoranza tagħhom għandhom bejn 26 u 45 sena filwaqt li l-parti l-kbira ma jaħdmux. Dan joħroġ minn studju kkummissjonat mill-Awtorità tad-Djar li jagħti ritratt ċar tal-profil tal-applikanti li qegħdin jistennew għall-akkomodazzjoni soċjali li jammontaw għal madwar elfejn ruħ.

Mill-istudju ħareġ li d-dħul medju tal-applikanti huwa ta’ €755 fix-xahar fost dawk b’impjieg, filwaqt li min qed jirċievi l-benefiċċji soċjali jaqilgħu madwar €530 fix-xahar, kif spjega l-Istatistiku Vince Marmarà.

“Il-fatt li għandek ammont ta’ single parents huma jgħidu li għandhom diversi sfidi anki biex jaħdmu għall-argument li mhux faċli u ma jiħdux it-tfal tagħhom. Għandek ukoll anzjani fejn qalu li aħna għalina min-naħa tagħna għandna bżonn alternattiv għax fejn qed ngħixu hu kbir ħafna jew il-post mhux tajjeb għalina minħabba lift.”

L-istudju juri li l-Maltin għandhom kultura li jridu jkunu sidien ta’ darhom, tant li dawk li qed japplikaw, jikkunsidraw alternattivi għall-akkomodazzjoni soċjali. Jirriżulta wkoll li fost dawk li qed japplikaw għall-akkomodazzjoni soċjali hemm l-iktar ġenituri li qed jisseparaw jew jiddivorzjaw u oħrajn li qed jistennew tarbija, kif spjegat is-soċjologa Maria Brown.

“Dan hu proġett li juri li billi bniedem ittih ċavetta ta’ daru mhux se ssolvilu l-problemi vasti u diversi li ppreżentawlna dawn l-applikanti. Ħafna minnhom għandhom problemi li jmorru lil hinn li m’għandhomx post jew ma jifilħux jixtru post huma, u allura hemm bżonn kollaborazzjoni inter-ministerjali u strateġija fuq medda twila u żgur li hemm bżonn li apparti li dak li jkun intuh saqaf fuq rasu, ikollu programm ta’ tagħlim tul il-ħajja.”

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li dan huwa l-ewwel studju tax-xorta tiegħu li se jnebbaħ id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fit-tfassil fost l-oħrajn ta’ proġetti u inizjattivi ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega kif ir-riċerkaturi marru fuq il-post fejn qed jgħixu l-applikanti u qal li r-riżultati miksuba mill-istudju jikkonfermaw li l-Awtorità trid tkompli tindirizza l-għeruq tal-problemi soċjali li qed jiffaċċjaw l-applikanti.