MEUSAC
Min se jieħu posthom?

Fit-28 ta’ Mejju, jumejn wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-mexxejja tal-Istati Membri ltaqgħu fi Brussell biex jibdew il-proċeduri għall-għażla ta’ dawk li se jokkupaw l-ogħla karigi fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea minn din is-sena.

Dakinhar, il-mexxejja tal-Istati Membri inkarigaw lill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, biex jibda l-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew. Dan il-proċess jieħu kont tar-riżultati tal-Elezzjonijiet Ewropej u jirrifletti r-realtajiet differenti fl-Unjoni Ewropea billi jfittex bilanċ bejn il-pożizzjoni ġeografika tal-Istati Membri, id-daqs tal-popolazzjonijiet tagħhom, l-affiljazzjoni politika u iktar ugwaljanza bejn is-sessi.

Bil-karigi l-ġodda mistennija jinbidlu l-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

Id-deċiżjonijiet mistennija jibdew jittieħdu fis-summit tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern fil-Kunsill Ewropew li se jsir fl-20 u l-21 ta’ Ġunju.

Il-President tal-Kunsill Ewropew

Skont Artiklu 15(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-president tal-Kunsill Ewropew jiġi elett b’maġġoranza kwalifikata għal terminu ta’ sentejn u nofs li jista’ jiġġedded darba. Il-President attwali, Donald Tusk beda jservi fl-1 ta’ Diċembru 2014 u ġġeddidlu t-terminu fl-2017. Il-President il-ġdid tal-Kunsill Ewropew jibda jservi fl-1 ta’ Diċembru 2019.

Il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew xolja fit-18 ta’ April 2019. Bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju saru l-elezzjonijiet għall-membri li se jservu fil-leġiżlatura li jmiss.

Bħalissa, il-membri eletti tal-Parlament Ewropew qegħdin jiffurmaw il-gruppi politiċi. Grupp politiku jifforma b’mill-inqas 25 membru u jkollu rappreżentanza ta’ mill-inqas kwart tal-Istati Membri.

Fit-2 ta’ Lulju, jibda d-disa’ terminu tal-Parlament Ewropew fi Strażburgu meta l-membri l-ġodda jeleġġu l-President, l-14-il Viċi Presidenti u  l-5 Kwesturi, u jiddeċiedu dwar il-kompożizzjoni tat-22 kumitat li jkopru setturi differenti.

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea jiġi nominat mill-Istati Membri b’maġġoranza kwalifikata, fid-dawl tar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej. Il-Parlament Ewropew irid japprova l-President nominat tal-Kummissjoni Ewropea b’maġġoranza assoluta (nofs il-membri kollha u wieħed). Jekk il-President nominat ma jiġix approvat, fi żmien xahar irid jiġi propost kandidat ieħor.

Il-President elett, qabel jieħu l-kariga, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi lista ta’ kandidati biex iservu ta’ Kummissarji fil-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Dawn jiġu nominati mill-Istati Membri, wieħed kull Stat Membru. Kull Kummissarju nominat b’portafoll partikolari irid jidher għall-iskrutinju quddiem il-kumitat rispettiv tal-Parlament Ewropew f’sessjoni magħrufa bħala l-‘grilling’.

Il-Kumitat imbagħad jibgħat il-verdett tiegħu lill-President tal-Parlament Ewropew. Fil-passat, kemm-il darba rtiraw kandidati li ma għaddewx mill-grilling u ġew nominati oħrajn. Dan jiġri għaliex il-Parlament Ewropew għandu s-saħħa li japprova l-Kummissjoni l-ġdida, inkluż il-President u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, kollha f’daqqa, f’vot wieħed. Dan mistenni jsir bejn it-22 u l-24 ta’ Ottubru.

Wara li l-President tal-Kummissjoni u l-Kummissarji jkunu approvati mill-Parlament Ewropew, huma jkunu appuntati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’maġġoranza kwalifikata.

Il-Kummissjoni l-ġdida mistennija tibda t-terminu l-ġdid fil-bidu ta’ Novembru.

Segwi din il-paġna u għidilna x’tixtieq tkun taf jew x’tixtieq aktar fuq [email protected] jew https://www.facebook.com/meusacmalta

Tagħrif miġbur minn:

 

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Instab mejjet r-raġel Daniż li kien irrappurtat nieqes nhar il-5 ta’ Ġunju li għadda. TVM huwa infurmat li Allan Hartmann-Jensen ta’ 53 sena instab mejjet dalgħodu fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni…

Unjoni Ewropea

Kellu jkun summit li jiddetermina l-ġejjieni immedjat tal-Unjoni Ewropea… għaliex kellu jiddiskuti mhux biss aġenda strateġika b’numru ta’ prioritajiet, iżda possibilment kellu jwitti t-triq għal qbil dwar in-nomini ta’ dawk…

Unjoni Ewropea

Laqgħa Għolja li qed tiltaqa’ bħalissa fi Brussell tista’ tiddetermina l-ħames snin li ġejjin tal-Unjoni Ewropea. Bil-mexxejja Ewropej, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, qed jiddiskutu mhux biss il-prioritajiet li fuqhom…

Aktar